Edukazzjoni Kunsilli Lokali Lokali

Il-Kunsill Laburista ta’ Birkirkara se jagħlaq iċ-Childcare Centre ta’ Ġnien il-Ferrovija

Għalkemm suppost il-politika tal-Gvern preżenti hi li jkompli jibni fuq il-politika tal-Gvern Nazzjonalista dwar il-ftuħ ta’ aktar Childcare Centres, jidher li wieħed mill-aqwa Childcare Centres f’Malta, dak ta’ Birkirkara, se jingħalaq. Dan jirriżulta minn applikazzjoni li saret mis-Sindku Laburista ta’ Birkirkara Joanne Debono Grech (ritratt) u li bħalissa tinsab għall-evelwazzjoni quddiem il-MEPA.

L-applikazzjoni PA/01278/14 tipproponi l-bdil tal-użu minn Childcare Centre fi Ġnien l-Istazzjon f’Birkirkara għal Mużew tat-Trasport. Il-proposta tinkludi tibdil kemm fuq ġewwa kif ukoll fuq barra, l-installazzjoni ta’ lift u kjosk bl-imwejjed u s-siġġijiet madwaru. Il-proposta tinkludi wkoll iċ-ċaqlieq tal-vagun tal-vapur tal-art biex dan jitpoġġa faċċata tal-Mużew. Dan meta jirriżulta li l-Kunsill Lokali preċedenti, immexxi mis-Sindku Nazzjonalista Michael Fenech Adami, kien diġà applika u għandu l-permess biex ftit metri biss bogħod miċ-Childcare Centre isir Mużew tat-Trasport.

Dan kien ifisser li ċ-Childcare Centre kien se jibqa’ fejn hu u fil-viċinanzi tiegħu jsir il-Mużew tat-Trasport. Iċ-Childcare Centre ta’ Ġnien l-Istazzjon kien infetaħ fuq inizjattiva tal-istess Kunsill Lokali ta’ Birkirkara immexxi minn Michael Fenech Adami. Iżda l-applikazzjoni li saret mis-Sindku Laburista Joanne Debono Grech hi biex il-Mużew isir minflok iċ-Childcare Centre u dan iċ-Childcare Centre jkollu jingħalaq.

Jirriżulta li l-Kunsillieri Lokali ta’ Birkirkara mhux infurmati jekk is-Sindku applikatx biex jinbena Childcare Centre ieħor jew biex jinstab post alternattiv ħalli jintuża’ minflok dak li se jingħalaq. Ħafna ġenituri li jibgħatu lil uliedhom f’dan iċ-Childcare Centre huma urtati bid-deċiżjoni tas-Sindku Debono Grech li tagħlaq dan il-post, li hu kkunsidrat fost l-aqwa Childcare Centres f’Malta.

Fil-fatt, dan iċ-ċentru għall-ħarsien tat-tfal tant hu popolari u mfittex, li bħalissa saħanistra għandu madwar 300 applikazzjoni pendenti minn ġenituri li jixtiequ jibgħatu lil uliedhom fih minħabba li jinsab f’post fiċ-ċentru tal-lokalità u anke minħabba l-fama tajba li jgawdi għas-servizzi li joffri lit-tfal iż-żgħar.