Lokali

Ritratti: Kaos madwar il-pajjiż wara dewmien eċċessiv għall-karozzi tal-linja

Matul in-nofstanhar ta’ dalgħodu, numru ta’ bus stops, stages u vened tal-linja madwar Malta esperjenzaw kaos qawwi minħabba dewmien eċċessiv biex tasal il-karozza tal-linja. Fost oħrajn, spikka t-tgergir minn ħafna passiġġieri li, minħabba din is-sitwazzjoni, spiċċaw waslu tard għax-xogħol.

Minn informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com, jirriżulta li din is-sitwazzjoni kaotika żviluppat wra li fl-aħħar jiem kien hemm 32 karozza tal-linja li kienu bil-ħsara. Madankollu, it-tekniċi tal-Malta Public Transport Services ma setgħux ilaħħqu fil-ħin biex jirranġawhom għax għadhom qed jaħdmu fuq il-vetturi li l-Gvern għadu kif kera b’Direct Order ħalli jlaħħaq mad-domanda fis-Sajf.

Is-sorsi li tkellmu magħna qalu li dawn it-tekniċi għadhom qed jaħdmu fuq dawn il-vetturi, fost oħrajn biex jiġu nstallati cameras tas-sigurtà. Fl-istess waqt, il-vetturi l-oħrajn qed jingħataw il-ġenb, bis-sitwazzjoni taħrab minn idejn il-Gvern u n-nies idumu ħinijiet twal jistennew tal-linja.

Minkejja li fil-jiem li għaddew fil-Parlament, fi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari tal-Kelliem għall-Oppożizzjoni Toni Bezzina, il-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi qal li l-manutenzjoni fuq dawn il-vetturi żdiedet u għalhekk naqas it-tgergir, is-sorsi li tkellmu magħna qalu li l-persuni li jagħmlu użu mis-servizz tat-trasport pubbliku qed jesperjenzaw realtà differenti.

Fost oħrajn, pereżempju, fl-aħħar sigħat kien hemm passiġġieri li riedu jirkbu fuq ir-rotta bin-numru X3 u li damu jistenew madwar siegħa w nofs. Kien hemm ukoll dawk li kienu qed jistennew vetturi bin-numri 12 u 31, li fiż-żewġ każi damu jistennew għal 45 minuta.