Lokali

L-MPA se tifforma union awtonoma għall-Pulizija

Wara li l-ġimgħa li għaddiet, tħabbar li l-membri tal-Korpi Dixxiplinati se jingħatalhom id-dritt li jissieħbu f’union, l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta (MPA) ħabbret li ladarba jsiru l-emendi fil-Liġi, se tkun qed tifforma union awtonoma li tkompli tħares u ssaħħaħ l-interessi tal-membri tagħha, kif għamlet fl-aħħar snin.

Fi stqarrija ppubblikata fil-jiem li għaddew, il-Partit Nazzjonalista qal li jaqbel ma’ dan id-dritt iżda wissa li fejn għandu x’jaqsam mal-Pulizija, iddaħħlet il-politika partiġġjana. Dan għax, qal il-PN, il-proposta tal-Gvern hi ntiża biss biex tagħti vantaġġ lill-GWU fir-rappreżentanza tal-Korpi Dixxiplinati. Tant hu hekk, li anke kif ikkonferma ma’ MaltaRightNow.com, is-Segretarju Ġenerali tal-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) Josef Vella fl-ebda ħin ma kienet avviċinata mill-Gvern biex tagħti l-proposti tagħha dwar dan id-dritt.

Sadanittant, fl-istqarrija tagħha li fiha ħabbret li se tkun qed tifforma union awtonoma, l-MPA laqgħet b’sodisfazzjon il-bidliet fil-Liġi u tat rendikont tal-kisbiet li għamlet bħala assoċjazzjoni, li fakkret li għamlithom waħedha sa mit-twaqqif tagħha fl-1955. Fid-dawl tal-kisbiet li saru fl-aħħar snin, fosthom żidiet fl-allowances, titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, żieda fil-ħlasijiet li jirċievu l-Pulizija għall-extra duty u tnaqqis tas-sigħat tax-xogħol, l-MPA qalet li tinsab fl-aħjar qagħda li tifhem in-natura u l-karattru speċjali tax-xogħol tal-Pulizija.

Dan minħabba li l-uffiċjali tagħha huma eletti mill-membri tal-Korp u huma kollha Pulizija.

L-istqarrija tal-Assocjazzjoni tal-Pulizija giet iffirmata mill-Avukat tal-istess assocjazzjoni, Robert Abela.

Fl-istqarrija li kien hareg il-Partit Nazzjonalista, kien intqal li hija ipokrezija li l-Ministru Manwel Mallia jghid li jrid li l-Korpi Dixxiplinati jkollhom union, meta taht it-tmexxija tieghu, diga’ nghataw aktar minn 500 transfer fil-Korp tal-Pulizija biss.