Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni titlob lill-iSpeaker jiżgura li l-PAC ma jibqax jiġi żgwidat mill-Gvern

Illum l-Oppożizzjoni talbet formalment lill-ISpeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia biex jieħu nota tal-gidba li nqabad fiha l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici, li f’laqgħa tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi (PAC) li saret il-ġimgħa li għaddiet żgwida lill-membri tal-Kumitat meta oġġezzjona li jiġi diskuss il-kuntratt li l-Gvern għamel mal-kumpanija Henley & Partners. It-talba lill-iSpeaker saret miċ-Chairman tal-PAC Tonio Fenech.

Fil-laqgħa, li saret fl-14 ta’ Mejju, il-Ministru Bonnici oġġezzjona li jsir skrutinju dwar il-kuntratt tal-Gvern ma’ Henley & Partners għal żewġ raġunijiet: li l-Gvern kien esebixxa l-kuntratt fl-atti ta’ kawża li hemm pendenti quddiem il-Qorti; u li nħareġ Digriet mill-Qorti fil-kawża msemmija biex il-kuntratt bejn il-Gvern u Henley & Partners ma jkunx ippubblikat. Skont il-Ministru Bonnici, il-Parlament ma jistax jinjora d-Digriet tal-Qorti, tant li fil-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi qal li “rridu nbaxxu rasna għad-Digriet tal-Qorti”.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni għamlet il-verifiki tagħha u sabet li: mhux veru li l-Gvern esebixxa l-kuntratt li l-Gvern iffirma ma’ Henley & Partners fil-Qorti; u mhux veru li hemm xi Digriet tal-Qorti li rabat lill-Gvern biex ma jippubblikax tali kuntratt. Għaldaqstant, u fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, l-Oppożizzjoni talbet lill-iSpeaker jiżgura li ħidmet il-PAC ma jiġix ostakolat b’tagħwiġ ta’ fatti u fatti li jingannaw lill-membri tal-Kumitat u l-Parlament.

Agħfas hawn biex tara kopja tal-ittra li ntbagħtet miċ-Chairman tal-PAC u hawn għal kopja tat-traskrizzjoni tal-Qorti.