Qorti

Mixli li kellu ammont konsiderevoli ta’ kokaina u ħasil ta’ flus

Pierre Cremona, ta’ 40 sena minn Ħal Balzan, inżamm taħt arrest preventiv mill-Maġistrat Neville Camoilleri wara li ġie mixli fil-Qorti b’diversi akkużi, fosthom li kellu fil-pussess tiegħu d-droga kokaina u li kkommetta ħasil ta’ flus. Hu ġie akkużat li wettaq dawn ir-reati bejn il-Ġimgħa u s-Sibt li għaddew. Cremona wieġeb mhux ħati li kellu fil-pussess tiegħu d-droga, li nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu.

Hu wieġeb ukoll mhux ħati li kkommetta ħasil ta flus, li kellu fil-pussess tiegħu armi tan-nar u li sar reċidiv. L-avukati tiegħu għamlu talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu, iżda l-Ispettur Herman Mula oġġezzjona bil-qawwa kollha għal din it-talba. Il-Qorti ċaħdet it-talba u ordnat li Cremona jinżamm taħt arrest preventiv.