Żgur li kulħadd jiftakar dak li ġara f’Marzu li għadda meta tiġrijiet taż-żwiemel sponsorjati mill-kandidat Laburista għall-Parlament Ewropew Mario Farrugia Borg ħolqu kaos kbir fil-bypass tal-Imrieħel, wara li ttieħdet id-deċiżjoni li din il-bypass tingħalaq biex ikunu jistghħu jsiru t-tiġrijiet. Dakinhar, kienu bosta dawk li lmentaw li nqabdu f’kongestjoni kbira tat-traffiku, u saħansitra kien hemm min wasal tard għall-eżamijiet.
Jidher li l-kaos kollu li qed joħolqu dawn it-tip ta’ tiġrijiet wassal biex il-Korp tal-pulizija ddeċieda li ma jibqax joħrog il-permessi għat-tiġrijiet taż-żwiemel organizzati fit-toroq. Dan l-istazzjon jinsab infurmat li d-deċiżjoni ħadha direttament il-Kummissarju Peter Paul Zammit li ta ordni lill-Assistenti Kummissarji u Supretendenti biex għall-ebda raġuni ma jibqgħu jinħargu permessi biex jiġu organizzati tiġrijiet taż-żwiemel fit-toroq pubbliċi.
Skont l-informazzjoni li għandu dan l-istazzjon, Peter Paul Zammit, saħansitra sostna mal-ogħla ufficjali tal-Korp li anke jekk Transport Malta, jew xi awtoritajiet ohra, jibqgħu joħorgu dawn it-tip ta’ permessi, hu kien se juza kull poter li tagħtih il-ligi, biex dawn it-tiġrijiet taż-żwiemel fit-toroq ma jsirux, għax qed joħloq ħafna problemi tat-traffiku lill-pulizija.
Madanakollu, minkejja din l-insistenza tal-Kummissarju, nhar is-Sibt li għadda saret waħda minn dawn it-tiġrijiet fir-Rabat. Li jfisser li minkejja li l-Kummissarju żamm ma’ kelmtu u rrifjuta li joħroġ il-permess, din l-attivita’ saret xorta waħda.
Fil-fatt, kien nhar l-Erbgħa, tlett ijiem qabel it-tiġrija, li Transport Malta, kif tagħmel b’mod regolari, ħarget ċirkolari lill-media biex tinforma lis-sewwieqa li s-Sibt 17 ta’ Mejju, bejn nofsinhar u s-sitta ta’ filgħaxija, Triq it-Tiġrija fir-Rabat kienet se tkun tingħalaq minhħabba t-tiġrijiet taż-żwiemel.
Dan l-istazzjon jista’ jiżvela x’ġara, il-Kummissarju tal-Pulizija, f’dan il-kaġ, reġa’ spicca kellu joqgħod għal deċizjoni politika li ttieħdet minn fuq…kuntrarju għal dak li kien iddeċieda, u kontra l-ordni tiegħu li t-tiġrija ma ssirx.
Jidher li minkejja li l-pulizija rrifjutat li toħrog il-permess, fuq ordni tal-Kummissarju, wieħed mill-organizzaturi ta’ din it-tiġrija mar jilmenta fil-kwartieri laburisti li ma harġulux il-permess. U miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, skont l-informazzjoni li għandna, għaddewh biex ikellem lill-Ministru Manwel Mallia, li hu l-Ministru responsabbli mill-Pulizija.
Min-naħa tiegħu, dan għamel kuntatt mal-Kummissarju Peter Paul Zammit u talbu spjegazzjoni għaliex ġie rifjutat il-permess. Minkejja l-argument tal-Kummissarju li l-prassi issa hi li permessi għal dawn it-tiġrijiet mill-pulizija ma jinħargux, u diġa’ ġew rifjutati permessi ohħra, jidher li l-Ministru ordna lil Żammit biex joħrog il-permess. U fil-fatt hekk ġara u t-tiġrijiet saru.
Is-sorsi li tkellmu magħna spjegawlna li dan it-tip ta’ indħil minn fuq, mhux biss mill-Ministru imma anke minn nies qrib ħafna tiegħu, ilu ħafna jdejjaq lill-Kummissarju tal-Pulizija….u minkejja li pubblikament qed jingħad mod ieħor, kienu ċirkostanzi bħal dawn li wasslu biex Peter Paul Zammit jikkunsidra li jirriżenja. Tant li kif zvelat il-gazzetta Il-Mument fix-xhur li għaddew tefa’ r-riżenja tiegħu li pero’ jidher li ma gietx aċċettata u nżammet moħbija.
//= $special ?>