Il-Kunsill Lokali tal-Munxar qed jorganizza l-avveniment Eku mill-Munxar. Dari u Llum; ġimgħa ta’ attivitajiet kulturali bi tħejjija għall-Festa ta’ San Pawl Nafraġu li se tiġi ċċelebrata fi tmiem din il-ġimgħa f’din il-lokalita’ Għawdxija.
Dawn l-attivitajiet għandhom l-appoġġ tas-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali, tal-għaqdiet tal-Munxar u tal-Parrocca.
Il-ġimgħa ta’ divertiment għall-familja tinkludi varjeta’ ta’ attivitajiet fosthom festa sportiva, serata ta’ talent lokali, festa familja u attivita’ dedikata liż-żgħażagħ, fejn il-mistednin speċjali se jkunu Gianluca Bezzina kif ukoll il-kantanta Nadine Axisa u l-band tagħha.
Il-qofol se jintlaħaq nhar is-Sibt, b’tentattiv biex jinkisru żewġ rekords nazzjonali tal-logħob tan-nar tal-art mill-Għaqda Dilettanti tan-Nar tal-Munxar.
Wieħed minn dawn it-tetattivi hu li jsiru l-akbar numru ta’ universals, jew aħjar l-akbar ammont ta’ roti li jkunu parti mill-istruttura li jiffurmaw il-biċċa xogħol piroteknika. It-tieni tentattiv hu li ssir l-ogħla struttura vertikali ta’ nar tal-art.
Għal min jattendi s-Sibt, hemm ukoll sorpriża tistennihom miż-żgħażagħ Munxarin. Il-Festa ta’ San Pawl Nawfragu li se tkun ċelebrata nhar il-Ħadd fil-Munxar hi l-ewwel festa li tiftaħ l-istaġun tal-festi f’Għawdex fis-Sajf.
//= $special ?>