L-aħbar żvelata mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil dwar id-deċiżjoni li ttieħdet mill-Kummissjoni Ewropea fis-7 ta’ Mejju li Malta se jkollha tnaqqas l-inċentivi finanzjarji li qed tagħti lill-industrija u lin-negozji żgħar u medji biex jinvestu, qanqlet tħassib anke fost dawk li jimpjegaw il-ħaddiema.
Waqt djalogu lbieraħ f’Għawdex, Simon Busuttil akkuża lill-Gvern Laburista b’inkompetenza għax ma rnexxielux jinnegozja mal-Unjoni Ewropea biex Malta tkun tista’ tibqa’ tagħti dawn l-inċentivi, f’deċiżjoni oħra li l-Prim Ministru Muscat żamm moħbija.
F’kummenti lil MaltaRightNow.com, id-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) Joe Farrugia qal li din mhix aħbar tajba għan-negozji, kemm kbar kif ukoll żgħar. Hu fakkar li l-ekonomija Maltija hi bbażata l-aktar fuq in-negozji ż-żgħar u medji u l-andament ekonomiku jiddependi fuq kif dawn imorru. Fakkar li bejniethom dawn jimpjegaw eluf ta’ ħaddiema.
Waqt laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), ironikament dwar il-programmi u inizjattivi li se twettaq Malta mill-fondi tal-Baġit li jmiss tal-UE, il-Viċi Prim Ministru u Ministru responsabbli mill-Affarijiet Ewropej Louis Grech ammetta li se jkun hemm tnaqqis fl-inċentivi finanzjarji lill-industrija u lil SMEs mill-fondi tal-UE, iżda wahhal fil-Kummissjoni Ewropea.
It-tnaqqis se jkun ta’ 15% sal-2017 u jinżel għal 10% bejn l-2018 u l-2020. Skont hu, il-Gvern se jinnegozja mal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida, li għad trid tkun iffurmata, forsi jagħmel aktar progress. Waqt l-istess laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba socjali fl-MCESD, il-Viċi Prim Ministru qal li l-Gvern bagħat il-proposti tiegħu dwar kif se jalloka l-fondi tal-UE fl-1 ta’ April li għadda.
Li kien għall-Partit Laburista, li ma riedx li Malta ssir membru tal-UE, Malta ma kienet tieħu xejn minn dawn il-fondi. Iżda l-Gvern Nazzjonalista kellu l-viżjoni li post Malta hu fl-UE u propju 10 snin ilu, Malta saret membru tal-UE u sal-2020 se tkun ibbenfikat b’kollox minn aktar minn €2 biljun.
Stqarrija mill-PN:
Il-Gvern jinqabad iħawwad dwar il-falliment tiegħu
Fi stqarrija l-PN qal li l-Viċi Prim Ministru Louis Grech inqabad iħawwad biex jipprova jfarfar ir-responsabbiltà għall-inkompetenza tal-Gvern. Il-PN qal li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea ttieħdet dan ix-xahar stess u mhux f’Lulju 2013, bħalma qal Louis Grech. Għalhekk, il-Gvern Laburista kellu kull ċans jipprova jbiddilha qabel ittieħdet.
Id-deċiżjoni ttieħdet a bażi ta’ regoli li kienu adottati f’Ġunju 2013 u mhux fi Frar 2014 bħalma qal il-Viċi Prim Ministru. Il-PN fakkar li Gvern Nazzjonalista kien innegozja b’suċċess u rnexxielu jirdoppja l-fondi Ewropej għal Għawdex għal total rekord ta’ €112 miljun.
//= $special ?>