Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Tliet partiti zgħar jakkużaw lill-Prim Ministru Joseph Muscat b’arroganza

Id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat li l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew ta’ nhar is-Sibt li ġej hi elezzjoni bejnu u bejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, turi l-arroganza tal-Prim Ministru. Il-Kap tal-Oppożizzjoni għamel sewwa li iddistakka ruħu minn din id-dikjarazzjoni.

Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet kongunta tal-Alleanza Bidla, l-Alleanza Liberali u Imperium Europa li saret quddiem il-PBS u li fiha tkellmu Ivan Grech Mintoff mill-Alleanza Bidla u Adriano Spiteri, Campaign Manager ta’ Imperium Europa.

Ivan Grech Mintoff qal li l-partiti politiċi l-kbar qed jiddominaw lill-media f’din il-kampanja elettorali u mhux qed jiddiskutu mal-partiti ż-żgħar. Huma ikkritikaw b’mod partikolari lis-Super One TV u Radio li qed jirrifjutaw li jobdu direttiva tal-Awtorita tax-Xandir biex jagħtuhom ħin biex iwasslu l-messaġġ tagħhom.

Qalu li dan imur kontra d-demokrazija u għalhekk l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa kitbet lill-Awtorita` tax-Xandir u uriet it-tħassib tagħha li dawn id-direttivi qed ikunu injorati. Dan jista’ jwassal biex l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew ma tkunx waħda leġittima.

Dawn il-partiti ż-żgħar talbu li One TV u One Radio jeħlu l-multa u anke tkun sospiza l-liċenzja tagħhom mill-Awtorita’ tax-Xandir. Min-naħa l-oħra, skont huma l-PBS u Net Television taw biss ftit coverage tal-partit ż-żgħar.

L-Allezana Bidla, l-Alleanza Liberali u Imperium Europa qalu li jridu rimedju skont kif titlob id-demokrazija. Jekk dan ma jiġrix se jieħdu passi biex l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew tkun invalidata.