Lokali Parlament

Abbozz ta’ Liġi dwar Standards fil-Ħajja Pubblika

Il-Parlament approva mill-Ewwel Qari mozzjoni dwar Abbozz ta’ Liġi dwar Standards fil-Ħajja Pubblika.

Il-mozzjoni tressqet mill-Viċi Prim Ministru Louis Grech u sekondata mid-Deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech.

Louis Grech qal li dan l-abbozz għandu l-ħsieb li jġib aktar kontabbilta’ u etika fl-uffiċjali tal-ħajja pubblika partikolarment fost il-Membri Parlamentari.

Francis Zammit Dimech qal li t-twaqqif ta’ dan il-Kumitat ġej minn mozzjoni mressqa mill-Kap tal-Oppożizzjoni f’Settembri li għadda. Dan wara li kienu nnotati każi fejn Ministri u Segretarji Parlamentari kienu qed jonqsu milli jimxu mal-Kodiċi ta’ Etika, mhux inqas għar-rigward tad-dikjarazzjoni tal-assi kif ukoll minħabba l-ingaġġ ta’ qraba ta’ Ministri f’diversi karigi tal-Gvern.

Il-mozzjoni taħseb biex jinħatar Kusmmissarju għall-Imġieba xierqa fil-Ħajja Pubblika bħala uffiċjal tal-Parlament bl-inkarigu tiegħu jkun awtonomu u indipendenti. Fid-dawl ta’ dan twaqqafr ukoll Kumitat Permanenti tal-Kamra tar-Rappreżentanti dwar l-Imġieba Xierqa fil-Ħajja Pubblika.

Il-mozzjoni wasslet għal mozzjoni oħra mid-Deputat Prim Ministru Louis Grech li fil-fatt għamlet riferenza speċifika għall-mozzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni.

Francis Zammit Dimech qal li hu ta’ sodifazzjon għalih li wara diversi laqgħat intlaħaq qbil biex jitressaq abbozz li jħares l-għanijiet ta’ dan il-Kumitat. L-abbozz għandu r-rakkomandazzjoni tal-membri kollha fil-Kumitat Magħżul. Hu awgura li l-abbozz ikun ippubblikat bla dewmien u diskuss biex ikun implimentat. Hekk ikun jista’ jinħatar Kummissarju dwar l-Istandards u dan ikun maħtur bl-approvazzjoni ta’ mhux inqas minn żewġ terzi tal-kamra.

Francis Zammit Dimech qal li jemmen li persuni f’ħajja pubblika b’mod partikolari l-Membri Parlamentari kollha, inklużi l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari, għandhom dejjem jaġixxu b’mod korrett u li jkunu ta’ eżempju għal ħaddieħor billi mhux biss bil-kliem iżda anke bil-fatti jaġixxu skont l-ogħla esiġenzi ta’ onesta’, tħaris tal-verita’, serjeta’ u aġir etiku. Ma’ dawn il-valuri ma għandu qatt ikun hemm kompromess, temm Francis Zammit Dimech.