Futbol Sport

Casillas jista’ jsir il-11-il plejer ta’ Real li jirbaħ tliet fil-finali

Il-gowlkiper ta’ Real Madrid Iker Casillas għandu ċ-ċans li jsir il-11-il plejer li jkun lagħab fit-tim rebbieħ ta’ tliet finali taċ-Champions League meta Real Madrid jilqgħu lil Atletico Madrid f’Lisbona nhar is-Sibt.

Casillas li kien fl-ewwel 11 ta’ Real Madrid fis-suċċess li kisbu fl-1999-2000, kien daħal ukoll minflok l-imweġġa’ Cesar Sanchez hekk kif t-tim tiegħu kien rebaħ kontra Bayer Leverkusen fil-final tal-2001-02.

Jekk il-Merengues jirbħu l-famuża ‘Décima’, li tant ilhom jistennew, il-gwolkiper ta’ 32 sena jingħaqad ma’ numru ta’ eks plejers tat-tim fosthom Fernando Hierro, Roberto Carlos, Fernando Morientes u Raúl Gonzalez – li kollha rebħu l-UEFA Champions League tliet darbiet.

L-aktar plejer li rebaħ iċ-Champions League iżda, jibqa’ eks plejer ieħor ta’ Madrid, Clarence Seedorf, b’erba’ suċċessi u l-uniku plejer li rebaħ dan l-unur ma’ tliet klabbs differenti, AFC Ajax, Real Madrid u AC Milan.

Madankollu minkejja l-erba’ suċċessi, Seedorf xorta jibqa’ bogħod mis-sitt suċċessi li kellu Francisco Gento – l-unika plejer ta’ Real Madrid li lagħab f’kull wieħed mill-ewwel sitt suċċessi fil-finali li kisbu Real fit-Tazza Ewropeja.

Paolo Maldini ta’ Milan u Phil Neal ta’ Liverpool huma l-uniċi żewġ plejers l-oħra mhux ta’ Real Madrid fil-lista tal-aqwa ta’ kull żmien.