Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Charlon Gouder jippolitiċizza lill-President ta’ Malta

Ninsabu ftit jiem ‘il bogħod mill-elezzjoni għall-Parlament Ewropew u jfeġġu aktar każi ta’ abbużi mill-Partit Laburista u kandidati tiegħu. Fuljett elettorali tal-kandidat Laburista Charlon Gouder li tqassam fid-djar kellu numru ta’ Ministri u Deputati Laburisti jiktbu messaġġi ta’ appoġġ għal Gouder. Fost dawn hemm ukoll il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca.

Filwaqt li fil-fuljett, il-Ministri u d-Deputati l-oħra huma deskritti bil-kariga li jokkupaw, ħdejn Marie Louise Coleiro Preca hemm biss id-data tat-3 ta’ Marzu li għadda, meta suppost Coleiro Preca tat l-endorsement tagħha lil Gouder qabel ma ħadet il-ġurament tal-ħatra bħala President ta’ Malta. Filwaqt li d-data msemmija hi xahar qabel ħadet il-ġurament tal-ħatra, jekk il-kumment tagħha kien mitlub verament dakinhar, xorta waħda kien wara li Marie Louise Coleiro Preca aċċettat li tkun nominata bħala l-President ta’ Malta.

Sorsi li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com ilmentaw dwar in-nuqqas gravi ta’ Charlon Gouder, li baqa’ jippersisti u jdaħħal lil Marie Louise Coleiro Preca fil-fuljett bil-propoganda politika tiegħu għal din l-elezzjoni, minkejja li diġà kien magħruf li aċċettat in-nomina ta’ President ta’ Malta u minkejja li fil-jiem li tqassam dan il-fuljett, Coleiro Preca ilha kważi xahrejn taqdi l-funzjoni ta’ President ta’ Malta.

Dan isegwi żewġ inċidenti ta’ ksur tal-Liġi Elettorali mill-PL u l-kandidati tiegħu fil-votazzjoni kmieni li saret is-Sibt li għadda għal min se jkun msiefer is-Sibt li ġej, kif ukoll fid-Djar tal-Anzjani. Il-Ġimgħa, lejliet il-votazzjoni f’San Vinċenz de Paule, il-PL kiser jum is-silenzju f’dan il-post billi tqassam materjal ta’ propaganda tal-kandidati tiegħu, l-aktar tal-eks Mexxej Laburista Alfred Sant. Dan wassal lill-Uffiċċju Elettorali tal-PN (ELCOM) biex jagħmel protest uffiċjali mal-Kummissjoni Elettorali dwar dan l-abbuż mill-PL.

L-għada s-Sibt, proprju f’jum il-votazzjoni, kien hemm każ ieħor li kien jinvolvi lill-istess Charlon Gouder, din id-darba fid-Dar tal-Anzjani tal-Mellieħa, fejn saħanistra tkeċċiet Assistent Kummissjonarju Elettorali tal-PL. Dan wara li allegatament qassmet ritratti tal-kandidat Laburista lill-anzjani li kienu deħlin jivvutaw. Malli l-uffiċjali ndunaw x’kien qed jiġri, saret investigazzjoni u ddaħħlet ukoll il-Pulizija, li wasslet biex din titkeċċa mill-post. Minn informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com, jirriżulta li din l-AEC hi qrib ħafna tal-Gvern Laburista u ta’ diversi Ministri Laburisti.