Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Għawdex Lokali

Filmat: Deċiżjonijiet ħżiena li jaffettwaw lil Għawdex – Simon Busuttil

“Il-politika mhux dwarek imma dwar in-nies. Joseph Muscat, bħala Prim Ministru, agħti każ tan-nies.”

Dan kien l-appell tal-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, hekk kif it-Tlieta filgħaxija indirizza attivita’ politika fix-Xagħra Għawdex, bħala l-aħħar attivita’ fil-gżira Ghawdxija għal din il-kampanja.

L-appell tiegħu kien wieħed b’saħħtu.

Matul l-attivita’ ħadu sehem ukoll il-Viċi Kap Beppe Fenech Adami, ta’ Paula Mifsud Bonnici bħala President tal-Kunsill Ġenerali tal-partit u ta’ Samuel Azzopardi, is-Sindku Ġenerali tar-Rabat, flimkien ma’ numru ta’ kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt li ġej.

Fl-intervent tiegħu, Simon Busuttil qal li meta tiltaqa’ man-nies li tassew issir taf dak li għaddejjin minnu. Hu fakkar kif in-numru ta’ nies li jirreġistraw kull ma jmur dejjem qed jiżdied, fakkar fil-ħaddiema li jinsabu bil-prekarjat, fit-tnaqqis fl-inċentivi għall-industrija, it-tnaqqis fil-bejgħ u t-transfers vendikattivi li saru u għadhom qed isiru.

Dan filwaqt li tal-qalba qed ikomplu jgawdu.

Beppe Fenech Adami, min-naħa tiegħu, fakkar kif il-Gvern daħak bil-poplu meta għamel il-wegħda li se jkun trasparenti. Fost oħrajn, hu tkellem dwar l-istipendji u l-propoganda li qed issir dwar iż-żieda tiegħu, kif ukoll dwar it-transfers li qed jingħataw. Il-Partit Laburista wiegħed ħafna, spjega Fenech Adami, imma wettaq ftit.

Rimarki simili minn Paula Mifsud Bonnici, li tenniet il-messaġġ tal-Kap tal-Partit u qalet li hija ħasra li hemm min qed igawdi l-miljuni u hemm min qed jirreġistra għax-xogħol. Esprimiet ukoll tħassib dwar il-qasam tas-saħħa u l-opportunitajiet tax-xogħol għall-istudenti.

Intant, filwaqt li tkellem ukoll dwar ix-xoghol u l-prekarjat, Samuel Azzopardi faħħar l-investiment kontinwu li l-Partit Nazzjonalista għamel f’Għawdex u kif il-partit dejjem poġġa din il-gżira fiċ-ċentru ta’ ħidmietu.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-messaġġ ta’ Simon Busuttil għal nhar is-Sibt li ġej huwa wiehed ċar: fil-jiem li ġejjin għandek ċans titkellem, taħlix il-vot tiegħek u użah biex twassal messaġġ għal Malta aħjar fl-Ewropa.