Hawn qawl Malti qadim u qasir li jispjega dak li ħafna ekonomisti u nies li jaħdmu fl-istatistika jdumu jispjegaw f’ħin ferm itwal: il-kejl u l-għadd ma jibżgħu minn ħadd. Meta tkejjel u tgħodd, għandek l-aqwa bażi għal argumenti u azzjoni f’kull qasam.
Suq ħażin u ħwienet jagħlqu
Ma’ kull min tiltaqa’ fost tal-ħwienet, jgħidlek x’suq ħażin hawn. Qed jagħlqu numru ta’ ħwienet. U dan hu settur li jħaddem ħafna nies. Jekk tal-ħwienet imorru ħażin, ħaddiema jispiċċaw qiegħda, u dawk li jfittxu x-xogħol f’dal-qasam ma jsibuhx.
L-esportazzjoni tonqos bi 8 fil-mija
Il-gvern għadu kemm ħareġ iċ-ċifri dwar il-kummerċ għall-ewwel tliet xhur tas-sena, minn Jannar sa Marzu. U nistgħu nqabbluhom mal-istess tliet xhur tas-sena ta’ qabel. Iċ-ċifri tal-gvern juru li l-esportazzjoni fl-ewwel tliet xhur ta’ dis-sena naqset bi 8 fil-mija fuq l-istess xhur ta’ sena qabel. Dak x’begħna barra.
L-importazzjoni ta’ materjal u makkinarju għall-fabbriki taqa’ sostanzjalment
Naqset ukoll l-importazzjoni, xi xtrajna minn barra. U meta tara xi xtrajna anqas minn barra, toħroġ ċara l-konferma tas-suq ħażin. Fl-ewwel tliet xhur ta’ dis-sena, impurtajna 13 fil-mija anqas f’materjal biex jinħadem mill-fabbriki. Makkinarju għall-fabbriki xtrajna 20 fil-mija anqas. Dawk materjal u makkinarju għall-fabbriki.
Waqgħa ta’ 10 fil-mija fil-prodotti tal-konsum għat-tul
Imma anke fil-konsum. L-oġġetti tal-konsum kollha li impurtajna naqsu b’7 fil-mija. U naqsu b’10 fil-mija l-prodotti mixtrijin għat-tul – appliances tad-dar u computers, pereżempju – li huma importanti ħafna għax juru jekk il-konsumatur għandux fiduċja għall-futur billi ħafna drabi jista’ jżomm li kellu u dawn huma nefqiet sostanzjali.
Tnaqqis meta jmissna nżidu
Tnaqqis f’kollox. U bla spjegazzjoni minn barra minn Malta. Anzi jekk xejn, messna żidna. F’Malta konna qed inżidu l-esportazzjoni u l-importazzjoni meta kellna r-riċessjoni kbira li ħabtet eżatt mal-leġiżlatura l-oħra, għandna nnaqqsu issa?
L-ekonomija teħtieġ direzzjoni u industriji ġodda
Imma qed innaqqsu, u kif. U l-kejl u l-għadd qed juruna li l-ekonomija teħtieġ direzzjoni. Id-direzzjoni ma tingħatax bil-paroli imma bil-fatti. Ma tingħatax biss billi ngħidu kemm irridu noħorġu nies jaħdmu – dak mhux ovvju? – imma billi ngħidu fejn se jaħdmu f’industriji produttivi ġodda miġbudin lejn Malta.
Flok impjiegi f’industriji ġodda, 2,500 job mal-gvern
Imma minn dak ma smajna xejn. Il-gvern għadu ma semmiex x’industriji ġodda jrid jiġbed lejn Malta biex joħolqu x-xogħol b’pagi tajbin. U mhux jobs mal-gvern, kif ġara s’issa, bil-gvern Laburista jdaħħal 2,500 ruħ miegħu f’sena.
Il-kejl u l-għadd ma jibżgħu minn ħadd
Is-suq ħażin ikkonfermat biċ-ċifri hu sinjal ħażin. U l-Prim Ministru Muscat jista’ jgħajjat u jiċħad, kif għamel s’issa, imma l-kejl u l-għadd ma jibżgħu minn ħadd.