Lokali Qorti

“Emenda fil-liġi qed tkompli ddgħajjef is-sistema ġudizzjarja tagħna” – L-Avukat Joe Giglio

“Fil-25 ta’ Novembru li għadda l-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Antonio Mizzi kienet irriffjutat l-estradizzjoni ta’ tliet Maltin, fejn din qalet li dawn ma kienux formalment akkużati fl-Italja, iżda kienu biss qegħdin jiġu nvestigati. Dan ma kienx jissodisfa l-ħtieġa skont il-liġi li persuna trid tkun qed tiffaċċa akkużi kriminali, biex tkun tista’ tiġi estradita.

“Madankollu l-ġurnata ta’ wara, jiġifieri fis-26 ta’ Novembru, 2013, b’sempliċi Avviż Legali, il-Gvern emenda l-liġid war l-estradizzjoni, li ġiet taqra li persuna tista’ tiġi estradita meta tkun qed tiġi mitluba minn pajjiż għall-ħtieġa ta’ kontinwita’ fi Prosekuzzjoni Kriminali, anke jekk din ma tkunx għada ġiet akkużata b’tali reat.

“Din hija s-sitwazzjoni li qed niffaċċaw illum fejn il-Gvern b’sempliċi emenda, qed idgħajjef is-sistema ġudizzjarja tagħna, u li deċiżjonijiet tal-Qorti qed jispiċċaw jikkollassaw. Dan żgur mhux awgurju tajjeb għas-sistema ġudfizzjarja ta’ pajjiżna. Fl-Italja, il-fażi ta’ nvestigazzjoni hija kkunsidrata bħala parti mill-proċess ġudizzjarju, u li tista’ ddum sentejn qabel ma’ persuna jista’ jiġi akkużat.

“Imma persuna arrestata f’Malta trid titressaq f’perjodu ta’ 48 siegħa, nkella jrid jiġi rilaxxat. L-Avviż Legali, għalhekk jamplifika x’jfissru l-kliem, “persuna mfittxija” u l-“akkużat”, li jinkludu lil dawk li jiġu mressqa l-Qorti wara li ssir l-estradizzjoni. Kollox jindika li meta kienu jafu li saret l-emenda fil-liġi fil-Parlament Malti, l-Awtoritajiet Taljani ħarġu Mandat ta’ Arrest Ewropew ġdid fl-10 ta’ Diċembru, 2013”.

Din kienet it-trattazzjoni tal-Avukat Joe Giglio li flimkien mal-Avukat Stephen Tonna Lowell qed jidher għal Philip Mifsud, “self employed” ta’ 59 sena minn Ħaż-Żebbuġ u residenti l-Furjana, li l-Italja qed titlob l-estradizzjoni tiegħu fuq każ ta’ kutrabandu ta’ sigaretti, bl-Avukat Difensur jgħid li dan il-kaħż ma bediex il-bieraħ u li l-akkużat qatt ma għamel xejn biex jipprova jaħrab il-ġustizzja.

Il-Maġistrat Audrey Demicoli semgħet kif f’Ottubru li għadda, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Genova ħarġet mandat ta’ arrest fil-konfront ta’ tliet irġiel Maltin, wieħed minnhom l-akkużat. Dan kien inkonnessjoni ma’ nvestigazzjoni ta’ kutrabandu ta’ 18,250 kilo ta’ sigaretti fil-belt ta’ Genova. Il-Maġistrat Aaron Bugeja kien ordna l-estradizzjoni tal-akkużat kif ukoll ta’ Francis Galea u Michael Spiteri. It-tliet Maltin iżda kienu appellaw.

Philip Borg ġie arrestat it-Tlieta filgħodu fil-Furjana u kien ippreżentat b’kopja tat-talba tal-estradizzjoni bl-Ingliż u b’verżjoni oħra bil-lingwa Maltija. L-Avukat Giglio qal li l-klijent tiegħu kien konxju li kien se jsir l-mandat ta’ arrest Ewropew fil-konfront tiegħu, peress li bħalissa għaddejjin proċeduri kontrih f’Genova, b’akkużi li hu għadu qed jikkontesta. Il-każ tiegħu fl-Italja se jkompli x-xahar id-dieħel.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Mario Cuschieri qalet li peress li l-arrest tiegħu kien ordnat minn Qorti barranija, ma jagħmilx sens li Qorti Maltija tagħtih il-liberta’ proviżorja. L-Avukat Giglio wieġeb billi qal li Mandat ta’ Arrest Ewropew ifisser li Qorti Maltija tibda proċeduri biex tiddeċiedi jekk tibgħatux fil-pajjiż li jridu jew le. “Waqt dawn il-proċeduri l-akkużat jibqalu d-dritt għall-ħelsien mill-arrest. Dan id-dritt huwa mmexxi mill-liġijiet Maltin.

“Mifsud kien konxju li se jerġa’ jkun hemm talba għall-ħruġ ta’ mandate ta’ arrest fil-konfront tiegħu għal dawn l-aħħar ħames xhur. Imma minkejja dan ma għamel xejn biex jaħrab l-id twila tal-liġi”. Sadanittant il-Prosekuzzjoni argumentat li kellha problemi biex tintraċċa lil Mifsud…imma hawn l-Avukat Giglio qal li kien hemm okkażjoni fejn l-Ispettur u l-akkużat kienu fuq l-istess titjira.
Madankollu l-Ispettur Cuschieri qal li huwa ma kienx għaraf lill-akkużat.

Id-difiża qalet ukoll li kieku t-tfittixija għall-akkużat kienet daqstant urġenti, kieku kienet anke tinforma lill-awtoritajiet tal-ajruport biex ikunu fuq alert għall-akkużat. L-Avukat Giglio qal ukoll li ma hemm l-ebda raġuni valida li Mifsud ma jingħatax il-liberta’ proviżorja meta l-familja u n-negozju tiegħu jinsabu Malta, u meta ngħata l-pleġġ qabel dejjem mexa’ mal-ordnijiet tal-Qorti. Il-Maġistrat Demicoli laqgħet it-talba tad-difiża u tagħat il-pleġġ lil Mifsud fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €4,000. Huwa jrid jiffirma wkoll fl-Għassa tal-Pulizija tal-Belt, Valletta kuljum bejn it-8.00 a.m. u t-8.00 p.m