Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Filmat: Erbat’ijiem bogħod mill-elezzjoni għall-Parlament Ewropew

Fadal issa anqas minn ġimgħa għall-elezzjoni tas-Sibt li ġej, li fiha se nivvutaw biex neleġġu sitt Membri Parlamentari Ewropej li se jservu f’isem Malta fil-leġiżlatura li jmiss tal-Parlament Ewropew. Skont l-aħħar Reġistru Elettorali, għall-elezzjoni tas-Sibt hemm eliġibbli biex jivvutaw 344,356 persuna. Dan l-ammont ta’ votanti reġistrati hu 21,945 aktar mill-aħħar elezzjoni għall-MEPs, li kienet saret fl-2009. Minn dan it-total, 8,288 huma barranin bid-dritt li jivvutaw f’din l-elezzjoni f’pajjiżna. Il-kumplament, 336,068, huma Maltin u Għawdxin.

Is-Sibt li ġej il-votazzjoni tiftaħ fis-7am u tagħlaq fl-10pm u minkejja li l-mappa elettorali taqsam lil Malta u Għawdex fi 13-il distrett elettorali, għall-finijiet ta’ din l-elezzjoni, il-pajjiż jintqies bħala distrett wieħed kbir bil-kandidati jikkontestaw kollha fuq id-distretti kollha. Iżda s-sistema elettorali tagħna tibqa’ dik li hi u wieħed irid ifakkar li l-vot jista’ jintilef fil-wirt jekk il-votant ma jagħtix numru lil kull kandidat tal-partit li jixtieq li jirrappreżentah.

B’kollox qed jikkontestaw din l-elezzjoni total ta’ 32 kandidat, tnejn anqas minn ħames snin ilu, li huma mqassmin: 11 f’isem il-PN, 12 f’isem il-PL, 2 f’isem l-AD u 7 oħra f’isem il-Partit tal-Ajkla, l-Alleanza Bidla, l-Alleanza Liberali u l-Imperium Europa.

Bħal f’kull elezzjoni oħra, is-Sibt li ġej wieħed ma jistax jivvota mingħajr Dokument tal-Vot. Id-Dokumenti tal-Vot tqassmu fid-djar mill-Pulizija aktar kmieni dan ix-xahar u wara dak il-perjodu setgħu jinġabru mill-Għases tal-Pulizija jew mill-uffiċċji tal-Kunsill Lokali fejn m’hemmx Għases. Issa li anke dan il-perjodu skada, mill-bidu ta’ din il-ġimgħa d-Dokumenti tal-Vot li fadal jistgħu jinġabru biss mill-Ufficcju tal-Kummissjoni Elettorali f’Evans Building fil-Belt fil-każ ta’ Malta u mill-Uffiċċju tal-Karta tal-Identità fir-Rabat fil-każ tal-Għawdxin.

Il-ġbir jibqa’ għaddej kuljum bejn it-8am u s-2pm u bejn it-3pm u d-9pm sal-Ħamis li ġej, meta l-ħin ikun estiż sa 12am. Sal-Ħadd filgħaxija, qabel ma lbieraħ filgħodu d-Dokumenti bdew jitqassmu mill-Kummissjoni Elettorali, kien għad fadal 26,372 dokument tal-vot x’jinġabru (7.7%). Ħames snin ilu, meta għalaq it-tqassim, kienu baqgħu ma nġabrux total ta’ 15,862 (5%). Din id-darba, l-aktar distrett fejn għadhom ma nġabrux voti huwa t-12-il distrett (aktar minn 5,000 vot jew 18%). Isegwi l-10 distrett elettorali b’14%, imbagħad id-9 distrett bi kważi 9.5% u t-13-il distrett b’9%. Min-naħa l-oħra, l-aktar li nġabru voti kien fis-6 distrett.

Fl-aħħar elezzjoni għall-Parlament Ewropew fl-2009, il-PL kien ġab 55% tal-voti, filwaqt li l-PN kien ġab 40% jew distakk ta’ kważi 36,000 vot li f’dawk li huma siġġijiet fisser erbgħa għall-PL u tnejn għall-PN.

Sadanittant, is-Sibt li ġej se jsiru wkoll elezzjonijiet f’ħames Kumitati Amministrattivi fil-komunitajiet. Iżda f’dan il-każ, il-votazzjoni ssir b’sempliċi Karta tal-Identità. B’kollox kellhom isiru 16-il elezzjoni f’dawn il-hamlets, iżda fil-bqija tal-postijiet ma ħarġux biżżejjed kandidati jew ħarġu eżatt kemm kien hemm bżonn.

Ara l-filmat b’kummenti tas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said