Il-Gvern irid ikun kapaċi jinnegozja biex jikseb l-aħjar inċentivi għall-kumpaniji lokali, inkluż fabbriki Għawdxin. Dan sostnieh il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt żjara li għamel fil-fabbrika ta’ Magro Brothers, fil-Qasam Industrijali tax-Xewkija. Fl-aħħar snin, din il-kumpanija kompliet iżżid l-investiment tagħha u llum tipproduċi prodotti kemm għas-suq lokali kif ukoll għall-esportazzjoni.
Akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali tal-PN Chris Said u l-kandidati Kevin Plumpton, Francis Zammit Dimech u Kevin Cutajar, il-Kap tal-PN sellem lil John Magro u lid-Diretturi tal-kumpanija Għawdxija, li qed tkompli tikber u tiżviluppa f’fabbrika li llum timpjega fiha aktar minn 100 ħaddiem. Waqt iż-żjara, Simon Busuttil esprima d-dispjaċir tiegħu għall-mod li bih fabbriki lokali, fosthom kumpaniji f’Għawdex, se jiġu affetwati mit-tnaqqis fl-inċentivi għall-industrija. Dan għax il-Gvern ma kienx kapaċi jinnegozja b’saħħa mal-Unjoni Ewropea.
Aktar tard, delegazzjoni tal-PN iltaqgħet mal-Gozo Business Chamber, fejn preżenti kien hemm ukoll il kandidati Helga Ellul u Kevin Cutajar, kif ukoll id-Deputati Nazzjonalisti Giovanna Dobono u Frederick Azzopardi. Hawn, Simon Busuttil tkellem dwar żewġ temi: ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar Għawdex u t-tnaqqis fl-għajnuna fiskali għall-industrija. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea hu ċertifikat ta’ kemm il-PN ġab fondi lejn Għawdex, b’pakkett finanzjarju li għal Għawdex ilaħħaq €112 miljun. B’kuntrast, kien dan il-Gvern li se jkollu jnaqqas l-inċentivi, b’Simon Busuttil jiddeskrivi dan bħala daqqa ta’ ħarta għall-industrija.
Il-Kap tal-PN ippreżenta wkoll ittra li turi kif sal-aħħar ġimgħa tal-amministrazzjoni preċedenti, Gvern Nazzjonalista kien baqa’ jistinka ħalli l-fondi għall-inċentivi ma jonqsox. Fl-istess laqgħa, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija Michael Grech qal li hu mportanti li f’Għawdex ikompli jinħoloq il-ġid. Qal ukoll li r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea se jiġi analizzat bir-reqqa fil-jiem li ġejjin, filwaqt li sostna li t-tnaqqis fl-inċentivi hu xi ħaġa nkwetanti ħafna.
//= $special ?>