Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Il-Gvern Laburista għandu jerfa’ r-responsabbiltà għall-falliment fin-negozjati tiegħu – Mario de Marco

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija għamel referenza għall-istqarrija maħruġa mill-Kamra tal-Kummerċ aktar kmieni t-Tnejn filgħodu. Din l-istqarrija tikkonferma dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista, jiġifieri li l-linji gwida finali dwar l-istate aid tħabbru mill-Kummissjoni Ewropea f’Lulju 2013, jiġifieri erba’ xhur wara li Gvern Laburista ġdid ġie elett. Sussegwentement, fis-7 ta’ Mejju ta’ din is-sena, l-Kummissjoni Ewropea ppubblikat id-deċiżjoni finali tagħha dwar l-istate aid u l-intensità li biha l-Gvern Malti jista’ jagħti għajnuna u inċentivi finanzjarji lill-industrija biex jinħoloq ix-xogħol.

Fl-istqarrija Mario de Marco qal li allura l-mistoqsija tqum waħedha: x’għamel Gvern Laburista mid-9 ta’ Marzu sal-lum biex jinnegozja l-aqwa pakkett għall-Gvern Malti f’dan is-settur?

Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern dejjem ħadem biex jinnegozja l-aqwa pożizzjoni għal pajjiżna. Anke fin-negozjati li saru dwar il-baġit għall-perjodu 2014-2020, Gvern Nazzjonalista rnexxielu jikseb €200 miljun aktar speċifikament biex jagħmel tajjeb għall-iżvantaġġi li għandu pajjiżna bħala gżira. Issa li l-Gvern Laburista għandu dawn il-fondi għad-dispożizzjoni tiegħu, se jużahom biex jagħti appoġġ lill-industrija?

Fuq kollox, il-Partit Nazzjonalista jtenni l-impenn u r-rispett sħiħ tiegħu għall-indipendenza u l-ħidma tal-imsieħba soċjali. Il-konferenza tal-aħbarijiet tal-bieraħ kienet intiża biex tkompli titfa’ dawl fuq din l-issue importanti u mhux biex b’xi mod timmina l-indipendenza tal-Kamra tal-Kummerċ.