Il-popolazzjoni Maltija rduppjat f’dawn l-aħħar 100 sena – id-differenza fil-popolazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa kompliet tonqos – iktar min-nofs tal-postijiet battala jikkonsistu f’appartamenti u penthouses.
Dawn huma fost il-ħafna riżultati li joħorġu miċ-Ċensiment ta’ Malta li l-informazzjoni dwaru nġabret fl-2011 u li kien pubblikat ilbieraħ fil-kwartieri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) fil-Belt Valletta.
Iċ-ċensiment ta’ Malta isir kull 10 snin. Dan hu s-17-il ċensiment uffiċjali li sar fil-pajjiż sa mill-1842.
Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal li ċ-ċensiment hu għodda importanti ħafna għaliex tagħti stampa estensiva tal-qagħda soċjo ekonomika u demografika tal-pajjiż.
Hu rringrazzja lill-NSO għall-ħidma qawwija li ssir sabiex tinġabar u tkun analizzata l-informazzjoni miġbura iżda fuq kollox lill-pubbliku Malti li dejjem ikkopera mal-awtoritajiet.
Fil-fatt, il-Ministru Edward Scicluna qal li Malta għandha fost l-aħjar rati ta’ rispons mill-pubbliku għaċ-ċensiment fost il-pajjizi tal-UE.
Fil-preżentazzjoni tieghu, l-Uffiċjal taċ-Ċensiment Michael Pace Ross qal li fl-2011, il-popolazzjoni Maltija kienet ta’ 417,423 li hi kwazi d-doppju tal-popolazzjoni f’Malta 100 sena qabel, fl-1911.
Ħamsa fil-mija tal-popolazzjoni hi magħmula minn barranin, bl-ikbar nazzjonalita’ ta’ residenti huma mir-Renju Unit b’6,652 segwiti minn Somali (1,041), u Taljani (947). L-iktar zona fejn jgħixu nies tinsab fid-distrett tat-Tramuntana tal-Port il-Kbir bi kważi terz tal-popolazzjoni toqgħod fl-ibliet u rħula tal-madwar.
Sittax-il lokalita’ – kollha f’Malta – għandhom popolazzjoni ta’ iktar minn 10,000 resident, b’Birkirkara tibqa’ l-ikbar lokalita’ b’21,749 resident segwita mill-Mosta u San Pawl il-Baħar b’popolazzjoni ta’ 19,750 u 16,395 rispettivament.
Matul l-2011, kien hemm iktar nisa milli irġiel iżda id-differenza fin-numru kompliet tonqos u fl-2011 kienet ta’ 2,182.
Iċ-ċensiment juri wkoll xejriet interessanti fejn jidħol il-livell ta’ edukazzjoni u l-litteriżmu u r-rabta bejn dawn mal-eta’ taż-żwieġ u l-eta’ tal-ewwel wild. Fl-2011, kien hemm 71,080 residenza vojta u 53% minn dawn ir-residenzi huma appartamenti u penthouses. L-iktar lokalita’ fejn hemm binjiet vojta hi San Pawl il-Baħar, bi kważi 10,196 propjeta’ vojta.
//= $special ?>