Inqas minn ġimgħa minn meta saru l-appelli u inqas minn ħamest’ ijiem mill-elezzjoni tas-Sibt li ġej, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat jinjora għal kollox is-sejħa biex ikunu pubblikati żewġ kuntratti kbar – dak ma’ Henley & Partners dwar il-bejgħ taċ-ċittadinanza u l-kuntratt dwar il-power station il-ġdida.
F’ attivita’ politika fiż-Żurrieq, Muscat ma jitkellem xejn dwar ir-ruling tal-ispeaker Anġlu Farrugia li fih intqal li l-Parlament hu l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż u li l-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi għandu d-dritt jagħmel talba biex il-kuntratt ma’ Henley & Partners jaqa’ taħt l-iskrutinju Parlamentari.
Ebda tweġiba lanqas dwar l-aħħar gidba ta’ Muscat li qal li kien hemm digriet fil-Qorti biex dan il-kuntratt ma’ jiġix ippubblikat.
Filwaqt li akkuża lill-PN li hu maqtugħ mir-realta’, Muscat qal li l-bejgħ fl-aħħar sena żdied u miegħu żdied l-aptit għall-investiment. Eżatt bil-kontra ta’ dawk li rrappurtaw ftit tal-jiem ilu kemm il-Eurostat dwar il-bejgħ li f’sena naqas bi 2% kif ukoll il-Bank Ċentrali li qal li s-self mill-banek għall-investiment naqas għaliex naqset id-domanda għal self minn intraprizi li xtaqu jinvestu
Qabel Muscat tkellem il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici li wkoll ma tkellimx dwar ir-ruling tal-Ispeaker u l-gidba dwar il-kuntratt ma’ Henley & Partners.
L-uniku referenza li għamel għall-bejgħ taċ-ċittadinanza kienet attakk fuq l-ewroparlamentari nazzjonalisti li skont hu, riedu jagħmlu ħsara lil Malta.