Edukazzjoni Lokali Unjoni Ewropea

Filmat: Jitnieda l-programm ta’ fondi Ewropej Erasmus+

Is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fissret opportunitajiet ta’ skambji u studju f’pajjiżi differenti għal bosta studenti u żgħażagħ kif ukoll għal ħafna organizazzjonijiet. Il-programmi ‘Life Long Learning’ u ‘Youth In Action’ għamluha possibli biex ħafna pparteċipaw fi programmi kulturali u edukattivi bejn l-2007 u l-2013.

Fis-snin li ġejjin, l-istudenti, żgħażagħ u għaqdiet se jkomplu jgawdu minn dawn l-opportunitajiet permezz tal-Erasmus+ li se jiġbor fih l-għanijiet tal-Life Long Learning u Youth In Action, b’baġit ta’ ħmistax-il-biljun ewro allokati għall-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea minn din is-sena sal-2020. Din is-sena Malta se tingħata aktar minn 5 miljun ewro u nofs għall-inizjattivi taħt l-Erasmus +.

Waqt it-tnedija ta’ dan il-programm, il-Koordinatur Nazzjonali Robert Debono qal li bejn l-2007 u l-2013 kien hemm 10,000 parteċipant Malti li gawdew mill-Youth in Action permezz ta’ 350 proġett. Hu qal li kien hemm eluf oħra li gawdew mil-Life Long Learning li offra opportunitajiet f’kull livell tal-edukazzjoni.

MaltaRightNow.com tkellem ma’ koordinatruri ta’ proġetti li twettqu fl-aħħar snin. Anne Marie Grech hi Youth Worker tal-Mosta Youth Empowerment Centre li ħadet sehem f’diversi skambji, proġetti ta’ taħriġ u proġetti dwar id-demokrazija fost oħrajn.

Dan is-sit tkellem ukoll ma’ Christine Vella li hi Assistent Kap tal-Iskola Primarja tal-Fgura, li pparteċipat fi proġett tal-Comenius fejn tfal minn 9 pajjiżi differenti qasmu prattiċi edukattivi u attivitajiet li kienu qed jiġu organizzati fl-iskejjel u saħansitra ppublikaw diversi fuljetti edukattivi.

Ir-Rappreżentant tad-Direttorat tal-Edukazzjoni u l-Kultura tal-Unjoni Ewropea Pascal Lejeune qal li dawn il-fondi huma ta’ benefiċċju għat-tisħiħ tar-riżorsa umana tal-Unjoni Ewropea u għall-benfiċċju personali tal-individwu li jsaħħaħ l-għarfien kulturali u l-ħiliet tiegħu.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo appella biex aktar żgħażagħ jipparteċipaw f’dawn il-programmi li joffrulhom opportunitajiet li jsaħħu l-personalita’ u l-għerf tagħhom.

Ara l-filmat b’kummenti ta’ Anne Marie Grech u Christine Vella