FINALI KAMPJONAT EWROPEW U17 – L-Olanda għat-tielet unur f’erba’ snin u l-Ingilterra għat-teni darba
It-Tlieta fis-7 p.m. fl-istadium nazzjonali f’Ta’ Qali, l-Olanda u l-Ingilterra se jkunu qed jiltaqgħu fil-finali tal-aħħar Kampjonat Ewropew taħt is-17-il sena bi tmien timijiet hekk kif mis-sena d-dieħla fil-Bulgarija l-finalisti tat-turnament finali se jkunu 16. Għal din il-finali mistenni jattendu wkoll il-President tal-UEFA Michel Platini.
Se tkun finali ferm mistennija għaliex tajjeb wieħed ifakkar li dawn kienu l-aktar żewġ timijiet li skorjaw gowls f’dawn il-finali 25 b’kollox, 15 għall-Olanda u 10 għall-Ingilterra.
Iż-żewġ timijiet waslu sa dan l-istadju mill-istess Grupp A li kien fih ukoll lil Malta u t-Turkija. Fl-aħħar konfront bejniethom fil-gruppi, l-Olanda rebħu 2-0 f’Kordin imma bil-kwalifikazzjoni miksuba l-kowċ Ingliż għażel li jserraħ bosta plejers u għalhekk din l-isfida ma tistax tittieħed wisq bis-serjeta` għall-fini ta’ pronostiku.
L-Olanda forsi jibdew xi ftit aktar favoriti peress li għadhom ma ġarrbux telfa wara 10 partiti f’dan il-kampjonat Ewropew imma wara l-wirja li taw kontra l-Portugall, partikolarment fit-tieni taqsima l-Ingliżi, fit-tielet finali fl-istorja tagħhom kapaċi jirbħu t-titlu kif kienu għamlu fl-2010 f’Liechtenstein kontra Spanja. L-Olanda rebħu dan l-unur għal sentejn konsekuttivi bl-aħħar wieħed ikun fl-2012 fis-Slovenja kontra l-Ġermanja u għalhekk qed jimmiraw li jiksbu t-tielet suċċess f’erba’ snin f’pajjiżna.
Dan ifisser li b’rebħa it-Tlieta l-Ingilterra jilħqu lill-Olanda b’żewġ suċċessi minn kemm ilu jsir il-kampjonat U17 mill-istaġun 2001-02.
L-Ingliżi jibbażaw ħafna fuq il-midfielder ta’ Everton u captain Ryan Ledson li hu l-lider tat-tim u jieħu sehem kważi f’kull azzjoni, kif ukoll fuq l-individwaliżmu ta’ Patrick Roberts.
Fid-difiża jispikka bl-istatura tiegħu l-plejer ta’ Charlton Athletic Joe Gomez li hu fiżikament b’saħħtu u ta’ periklu wkoll meta jattakka. Se jkun interessanti d-dwell tiegħu mal-Olandiż Steven Bergwijn li hu plejer ieħor b’saħħtu, veloċi u persistenti.
Fl-attakk il-kowċ Ingliż Peacock għandu lil Dominic Solanke, dak il-plejer li f’logħba sħiħa ġieli jinqata’ barra u ma jagħmel xejn imma mbagħad kapaċi jiskorja dak il-gowl li jagħmel id-differenza. Żgur li se jkun taħt l-attenzjoni ta’ plejers bħal Ter Avest, Veendorp u Verdonk.
L-Olanda se jerġgħu jkunu mingħajr l-attakkant ta’ Utrecht Anthony Berenstein li weġġa’ fl-aħħar logħba mill-fażi tal-gruppi u dan hu stimolu ieħor għal sħabu fit-tim biex jirbħu l-unur u jiddedikawh lilu kif għamlu fl-ewwel gowl li skorjaw fis-semifinali kontra l-Iskozja.
Il-logħba se tkun kontrollata mir-referee Żvediż ta’ 29 sena u eks pulizija, Andreas Ekberg li għadu qatt ma kkontrolla liż-żewġ finalisti f’dan it-turnament.
Ċerimonja mqassra
Ta’ min jinnota wkoll li għal din il-finali kienu mistiedna tfal minn bosta nurseries sabiex jiffurmaw parti mill-ispettaklu ta’ koreografija li kellu jsir qabel il-finali. Madankollu n-nurseries li kienu diġa` bagħtu r-rappreżentanti tagħhom għall-prova kienu nfurmati mis-Segretarju tal-YFA b’email li issa mhux se jieħdu sehem fiċ-ċerimonja.
“Minħabba sitwazzjonijiet li m’għandniex kontroll fuqhom, iċ-ċerimonja kellha tiġi ridotta u dan minħabba l-ħin ristrett mal-kuntratturi ewlenin tat-televiżjoni f’dawn il-finali.
“Għaldaqstant kellha tiġi emendata l-koreografija biex tilqa’ għall-ħin mitlub u ġie deċiż li l-partijiet sostanzjali, fosthom is-sehem tat-tfal tan-nurseries u l-karozzi kellhom jiġu esklużi miċ-ċerimonja. M’hemmx dubju li din ma kienetx l-ewwel intenzjoni tagħna għaliex is-sehem tat-tfal kellu jkun attrazzjoni prinċipali u issa mhux ser ikun possibbli.
“Bħala rikonoxximent il-Malta FA se toffri erba’ biljetti kumplimentari lil kull tifel jew tifla għall-ewwel logħba home tat-tim Nazzjonali Malti fil-kompetizzjoni tal-EURO 2016 li tibda f’Ottubru 2014 u dan biex l-istess ġenituri u tfal li kienu preżenti waqt il-prova talbieraħ jattendu dakinhar,” qal Micallef fl-ittra tiegħu.
//= $special ?>