Lokali Parlament

Mitluba laqgħa urġenti tal-PAC biex issir talba formali għall-kuntratt ma’ Henley & Partners

Wara r-Ruling li ngħata lbieraħ mill-iSpeaker Anġlu Farrugia, iċ-Chairman tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi (PAC) Tonio Fenech sejjaħ laqgħa urġenti tal-Kumitat għal għada. F’din il-laqgħa mistennija ssir talba formali biex il-kuntratt tal-Gvern ma’ Henley & Partners ikun ippubblikat.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li wara r-Ruling, il-Gvern m’għandux aktar fejn jistaħba u għalhekk il-PN se jibqa’ jinsisti li l-Gvern jippubblika l-kuntratt minnufih biex isir l-iskrutinju meħtieġ. Il-PN kompla li mhux aċċettabbli li l-Gvern ikompli jittardja l-pubblikazzjoni tal-kuntratt.

Għalhekk, jekk m’għandux x’jaħbi, għandu jippubblika l-kuntratt minflok ikompli jaħli l-hin sakemm tgħaddi l-elezzjoni tas-Sibt li ġej.

Sadanittant, wara li l-PN kixef il-gidba tal-Gvern dwar il-pubblikazzjoni tal-kuntratt, ilbieraħ il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici ammetta fil-Parlament li ma kellu ebda intenzjoni li jiżgwida lill-PAC jew lill-Parlament meta stqarr li l-kuntratt ma jistax jiġi ppubblikat b’Digriet tal-Qorti.

L-istqarrija tgħid li minħabba li l-Prim Ministru rrepeta l-istess gidba għal darba tnejn, il-PN qed jistenna li anke l-Prim Ministru jammetti li żbalja u jsegwi l-passi tal-Ministru Bonnici billi jitlob apoloġija talli gideb lill-poplu Malti.