HOCKEY – Fi żmien ġimagħtejn, Qormi HC ser jerġgħu jieħdu sehem f’kompetizzjoni Ewropea wara li rebħu l-kampjonat. F’Lulju tas-sena l-oħra Qormi HC applikaw biex jorganizzaw dan it-turnament hawn Malta. Dan hu l-ekwivalenti taċ-Champions League fil-futbol.
L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Hockey (EHF) għażlet lil Qormi HC biex flimkien mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Hockey (HAM) jorganizzaw dan it-turnament fil-kumpless nazzjonali tal-Hockey f’Kordin. Fl-istess ġranet madwar l-Ewropa ser ikunu qed jintlagħbu erba’ turnaments oħra b’kull tim jieħu sehem f’turnament skont ir-ranking li jkollu.
Din hija l-ewwel darba li l-Qriema qed jorganizzaw dan it-turnament hawn Malta. Il-preparamenti ilhom sejrin għal dawn l-aħħar 6 xhur u l-istennija issa waslet fi tmiemha.
Erba’ timijiet Ewropej se jipparteċipaw f’dan it-turnament. Dawn ġejjin mill-Ungerija, il-Finlandja, in-Norveġja u l-Litwanja. Flimkien ma’ Qormi HC ser ikun hemm Floriana YS li ser jieħdu sehem bħala t-tieni tim Malti fil-klassifika.
Qormi HC dejjem qatgħu figura tajba meta lagħbu f’turnaments bħal dawn fejn waslu sal-finali darbtejn u saħansitra rnexxielhom jiġu promossi. Għalhekk l-aspettattivi għall-Qriema ser ikunu għolja speċjalment meta l-logħob ser jintlagħab quddiem il-pubbliku tagħhom.
Peress li l-Qriema din is-sena għamlu d-double bir-rebħ tal-Kampjonat u n-Knock-Out, se jkunu qed jagħtu kollox biex jispiċċaw dan l-istaġun fuq nota mill-aqwa.
Iktar informazzjoni rigward dan it-turnament tinsab fuq il-website tal-klabb www.qormihc.com.
//= $special ?>