Il-Festa tal-Madonna tar-Rużarju tal-Gudja, li tiġi organizzata kull l-ewwel Ħadd ta’ Ottubru mis-Soċjetà Filarmonika La Stella tal-Gudja, din is-sena se taqla’ daqqa ta’ ħarta kbira fl-attendenza. Dan għax, minkejja ftehim li s-soċjetà kellha mas-Segretarjat Parlamentari tal-Kultura u l-Gvern Lokali biex in-Notte Bianca ma taħbatx fl-istess ġurnata tal-Festa, il-kampanja promozzjonali li nieda l-Gvern għan-Notte Bianca 2014 turi mod ieħor. Il-Gvern Laburista ġie jaqa’ u jqum minn dak li wieghed lil din is-soċjetà mużikali u se jagħmel in-Notte Bianca fl-istess ġurnata tal-Festa tal-Gudja.
F’Marzu li għadda, is-Soċjetà La Stella Band Club tal-Gudja bdiet taħdidiet mas-Segretarju Parlamentari José Herrera, li sa dak iż-żmien kien għadu responsabbli mill-Kultura u l-Gvern Lokali, li wasslu għal ftehim biex kif kien jigri fil-passat id-data taż-żewġ attivitajiet din is-sena ma jaħbtux flimkien. Iżda wara r-Reshuffle fil-Kabinett, il-Prim Ministru Joseph Muscat biddel il-kariga ta’ Herrera għal dik ta’ Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u t-Tkabbir Ekonomiku, filwaqt li l-Kultura saret tifforma parti mill-portafoll tal-Ministru Owen Bonnici, flimkien mar-responsabbiltajiet tal-Ġustizzja u l-Gvern Lokali.
Ma’ dan it-tibdil, jidher li għall-Gvern spiċċa wkoll il-ftehim li s-Soċjetà La Stella kellha mas-Segretarjat Parlamentari biex in-Notte Bianca ma ssirx fl-istess ġurnata tal-Festa tal-Madonna tar-Rużarju. Jirriżulta li l-membri tas-Soċjetà saru jafu mill-online media dwar li d-data tan-Notte Bianca reġgħet lura għall-istess ġurnata tal-festa fil-Gudja. Dan wassal mhux biss għal rabja iżda wkoll diżappunt minn tant Gudjani, li jqattgħu s-sena kollha jaħdmu bla heda ħalli l-festa tant popolari tal-Madonna tar-Rużarju tkun suċċess.
Fid-dawl ta’ dan, is-Soċjetà Filarmonika La Stella tal-Gudja kellha terġa’ tiftaħ id-diskussjonijiet biex jinstab rimedju, bit-tama li jiġi rispettat il-ftehim li kien intlaħaq bejn is-Soċjetà u s-Segretarju Parlamentari José Herrera.
//= $special ?>