Qorti

Sid ta’ kumpanija jispjega kif sab tliet bowsers żvujtati mid-diesel

Mark Cassar, sid il-kumpanija Cassar Fuels Limited, spjega fil-Qorti kif wara li ħalla tliet bowsers mimlijin bid-diesel biex l-għada jisuplixxi super yacht, sab il-bowsers vojta għax xi ħadd kien seraqhom u kaxkar b’eluf ta’ ewro li kienu jinkludu wkoll il-VAT, it-taxxa u s-sisa fuq l-istess diesel li kellu jitħallas.

Cassar kien qed jixhed quddiem il-Maġistrat Tonio Micallef Trigona fil-kumpilazzjoni li għaddejja fil-konfront ta’ Peter Paul Attard, eks Pulizija, Joseph Sghendo u Chris Chircop, kollha mill-Imsida, li qed jiġu mixlijin b’serq ta’ diesel u li laqgħu għandhom ħwejjeġ misruqa. Cassar qal li għandu kumpanija li tissupplixxi l-fuel u li tinsab fi Triq il-Kummerċ, Ħal-Qormi. Qal li fit-18 ta’ Ottubru 2008, għall-ħabta tal-5.30am, ibnu Stephen Cassar, li jaħdem miegħu, mar biex iħallat il-kulur aħmar mad-diesel biex dan imbagħad jintuża’ għal fuq is-super yacht. Ix-xhud qal li x’ħin ibnu wasal, sab it-trakkijiet bil-bowsers barra.

Tenna li min ħadhom daħal fil-garaxx li għandu, u li fih ikun hemm madwar ħames trakkijiet, u minkejja li dan ikun imsakkar, min daħal għamel hekk mingħajr ma sgassa. Mark Cassar qal li jiftakar li hu kien mar fejn il-bowsers il-Ġimgħa filgħaxija, filwaqt li ibnu kien mar is-Sibt filgħodu. Meta ibnu nfurmah li d-diesel kien insteraq, mar fil-post u wara mar l-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħal Qormi biex jagħmel rapport. Qal li fil-garaxx hemm ħafna CCTV cameras u kompjuter li jimmarka kollox, li wkoll kien insteraq.

Ix-xhud qal li minn ta l-informazzjoni għall-mod kif wieħed kellu jidħol u jagħmel is-serqa, żgur li kien xi ħadd li kien jaħdem magħhom. Mark Cassar qal li hu jemmen li kien ċertu Kevin Debono li għadda l-informazzjoni lill-ħallelin. Dwar Peter Paul Attard, ix-xhud qal li lil dan jafu u kemm-il darba kien wissieh biex ma jersaqlux lejn il-garaxx. Darba minnhomn ukoll, kien rah fil-garaxx jitkellem ma’ ibnu u ma’ xi lavranti u staqsieh x’kien qed jagħmel fil-post. Dan kien xi tliet ġimgħat qabel ma saret is-serqa.

Fil-ħin tal-kontro-eżami mill-avukat Lucio Scriha, li flimkien ma’ Michael Sciriha qed jidher għall-akkużati, ix-xhud qal li kien hu li għalaq il-bowsers fil-garaxx ġurnata qabel wara li kien ġab il-fuel minn Ras Ħanżir fejn għandhom l-impjant l-Enemalta. Hu ppreżenta l-karti u dokumenti tad-diesel mixtri u misruq fil-Qorti, fejn qal li b’kollox, diesel, VAT, taxxa u SISA, il-valur tas-serq kienet ta’ €75,000. Wieħed mill-bowsers kien fih €36,000, l-ieħor €24,000 u l-ieħor €25,000. Bħala dazju waħdu, is-somma telgħet għal €39,000.