Ekonomija Kummerċ Lokali

Skema biex tgħin kumpaniji jesportaw

Il-Malta Enterprise u l-HSBC nidew żewġ skemi fil-‘Go Global Programme’ li għandhom jgħinu 32 negozju jkabbru l-operat tagħhom.

Dettalji dwar dawn l-iskemi ngħataw f’konferenza tal-aħbarijiet fil-kwartieri tal-Malta Enterprise li matulha tħabbar li l-ewwel skema se tkun immirata għal 20 kumpanija li s’issa ma jesportawx.

Permezz ta’ din l-iskema dawn il-kumpaniji se jkunu mgħejjuna jesportaw u jfittxu swieq barranin għall-ewwel darba. L-applikazzjonijiet għal din l-iskema jagħlqu fil-15 ta’ Ġunju.

It-tieni skema se tolqot 12-il kumpanija li iżda jesportaw. L-iskop wara din l-iskema hu li dawn il-kumpaniji jkabbru s-swieq barranin tagħhom u jiddiversifikaw.

Il-kumpaniji magħżulin se jingħataw għajnuna ta’ 30,000 ewro f’forma ta’ refunds għall-ispejjeż li jkunu għamlu. Din l-iskema taħseb biex il-kumpaniji mhux biss isibu swieq ġodda iżda jipproduċu prodotti ġodda għal swieq ġodda.

Il-kumpaniji li se japplikaw taħt din l-iskema jridu jippreżenatw il-proposti tagħhom sal-1 ta’ Lulju 2014.

Ritratt: Malta Enterprise