Sena ilu, il-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni ġenerali billi żera’ t-tama li bit-tmexxija tiegħu Malta u Għawdex imorru aħjar u billi għamel ħafna wegħdiet għal kull qasam tas-soċjetà, inkluż f’Għawdex. Iżda llum, sena wara l-elezzjoni, il-poplu Malti u Għawdxi qed jinduna li mhux talli l-Prim Ministru Muscat ma żammx il-wegħdiet li għamel, iżda talli taħt it-tmexxija tiegħu, Malta u Għawdex marru għall-agħar. Dan ħareġ bl-aktar mod ċar fl-inkompetenza tiegħu fin-negozjar mal-Unjoni Ewropea u fiż-żieda fil-qgħad f’Għawdex.
Dan stqarru s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Xatt iż-Żewwieqa, l-Imġarr Għawdex. Hu kien akkumpanjat mill-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Helga Ellul, Kevin Cutajar u Francis Zammit Dimech. Chris Said qal li matul din l-ewwel sena ħareġ biċ-ċar li l-Prim Ministru Muscat injora għalkollox il-problema tal-qgħad f’Għawdex. Statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li l-ewwel sena ta’ Gvern Laburista ssarrfet f’żieda ta’ 6% fil-qgħad f’Għawdex. Matul din il-kampanja, il-poplu Għawdxi stenna li Muscat jagħti sens ta’ direzzjoni u soluzzjonijiet għall-ħolqien tax-xogħol f’Għawdex. Madankollu, il-Prim Ministru baqa’ ma qal xejn dwar il-problemi li qed jaffaċċjaw l-Għawdxin.
Biex jipprova jiddevja l-attenzjoni minn fuq il-falliment tiegħu f’Għawdex, il-Prim Ministru Muscat kien diżonest dwar it-track record b’saħħtu tal-PN fil-kisba ta’ fondi mill-UE għal Għawdex. Muscat tkellem dwar rapport li, skont hu, wera li l-PN ma kienx ħadem biżżejjed għal Għawdex. Iżda bil-kontra ta’ dak li qal Muscat, dan ir-rapport hu l-aqwa ċertifikat tal-ħidma tal-PN għall-Għawdxin. Dan għax filwaqt li r-rapport jirrakkomanda li Għawdex jingħata €56 miljun f’fondi Ewropej, tliet xhur biss wara li ġie ppubblikat ir-rapport, il-PN irnexxielu jinnegozja pakkett ta’ €112 miljun speċifikament għal Għawdex għall-baġit li jkopri sal-2020, spjega Chris Said. Dan juri kemm Gvern Nazzjonalista kien kapaċi jinnegozja għal Għawdex, filwaqt li l-PL ma offra xejn ġdid għal Għawdex.
Chris Said sostna li filwaqt li Gvernijiet Nazzjonalisti dejjem taw l-akbar importanza lil Għawdex, il-Prim Ministru Muscat qaleb kollox ta’ taħt fuq u għażel li jnaqqas ir-responsabbiltajiet tal-Ministeru għal Għawdex, inkluż iż-żewġ pilastri ewlenin tas-saħħa u l-edukazzjoni. Dan hu eżatt l-istess bħalma għamel fl-1996, meta l-Gvern Laburista ta’ dak iż-żmien kien irrenda lil Għawdex f’livell ta’ Segretarjat Parlamentari minflok Ministeru. Dan juri n-nuqqas ta’ mportanza li l-PL qed jagħti lil Għawdex, kif rifless ukoll fir-riżultati negattivi li qed jinkisbu fil-ħolqien tax-xogħol, l-abbandun ta’ proġetti bħall-Casino, il-fatt li r-rapport dwar l-aċċessibbiltà bejn Malta u Għawdex għadu ma tlestiex u n-nuqqas ta’ bejgħ mill-ħwienet, qal is-Segretarju Ġenerali tal-PN.
Quddiem dan kollu, sostna Chris Said, il-poplu Għawdxi għandu jibgħat messaġġ ċar lill-Prim Ministru Muscat fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew nhar is-Sibt li ġej, li Għawdex m’għandux jiġi traskurat u li hu għalkollox inaċċettabbli li Muscat jagħmel daqstant wegħdiet qabel l-elezzjoni ġenerali biex imbagħad jiskarta kollox l-għada li jiġi elett.
//= $special ?>