Kontra dak previst, it-tfal tan-nurseries mhux se jieħdu sehem fiċ-ċerimonja finali tal-Kampjonat U/17 tal-UEFA, li bħalissa qed jinżamm f’pajjiżna. Dan tħabbar mis-Segretarju Ġenerali tal-Youth FA (YFA) Joe Micallef f’email mibgħuta lin-nurseries ta’ Balzan, Mtarfa, Żebbuġ, Ħamrun, Luxol St. Andrews, Dingli Swallows, Żejtun, Melita, San Ġwann, Mellieħa, Siġġiewi, Żabbar St. Patrick, Naxxar, Sta. Lucia, Tarxien, Kalkara, B’Bugia Windmills u Sliema.
Ir-raġuni għal dan hu li ċ-ċermimoja se tiġi ridotta minħabba l-ħin ristrett mal-kuntratturi ewlenin tat-televiżjoni f’dawn il-finali. Dan wassal biex kellha tiġi emendata l-koreografija ħalli tlaħħaq mal-ħin mitlub u għalhekk ġie deċiż li partijiet sostanzjali, fosthom is-sehem tat-tfal tan-nurseries u l-karozzi, kellhom jiġu esklużi miċ-ċerimonja.
“M’hemmx dubju li din ma kinitx l-ewwel intenzjoni tagħna għax is-sehem tat-tfal kellu jkun attrazzjoni prinċipali u issa mhux se jkun possibbli li jsir użu mit-tfal tan-nurseries“, saħaq Joe Micallef. Il-Youth FA skużat ruħha man-nurseries, ġenituri u tfal, li sa lbieraħ stess kienu preżenti għall-prova tal-koreografija.
Fid-dawl ta’ dan, bħala rikonoxximent għall-isforz u l-interess muri, il-Malta Football Association (MFA) se toffri erba’ biljetti complimentary lil kull tifel jew tifla għall-ewwel loghba home tat-Tim Nazzjonali Malti fil-kompetizzjoni tal-EURO 2016, li se ssir f’Ottubru 2014. “Dan biex l-istess ġenituri u tfal li kienu preżenti waqt il-prova tal-bieraħ ikunu jistgħu jattendu dakinhar,” temm jgħid is-Segretarju Ġenerali tal-YFA Joe Micallef.
//= $special ?>