Hu ċar li l-gvern Laburista fl-aħħar sena ddeġenera minn dak li wiegħed u dak li vvutat għalih maġġoranza ta’ 36,000, f’wieħed li mhux iservi lin-nies, anzi b’tal-qalba u ta’ ġewwa jisservew huma minn flus il-poplu, waqt li l-bqija tan-nies iħallsu t-taxxi li tal-qalba qed jiffangaw fihom u jiffaċċjaw problemi li tal-qalba suppost isolvu.
Il-filosofija nnifisha tal-qalba tal-gvern hi ħażina
U dan ġej minn dak li hu fis-sies tal-ħsieb ta’ dawk l-aktar fil-qofol tat-tmexxija tal-gvern. Nies li daħlu fil-politika u fil-gvern – issa hu ċar – mhux biex ipoġġu lin-nies quddiem nett tal-politika, imma biex ipoġġu lilhom infushom quddiem.
Eżempju ħażin minn fuq nett
Din il-filosofija ġejja b’eżempju minn fuq nett: ħatriet għall-ħbieb tal-familja ta’ Joseph Muscat bħal Jeffrey Curmi u Michelle Buttigieg tirreklama bi flusna l-business tal-ġojjelli li għandha ma’ mart il-Prim Ministru, u b’Joseph Muscat stess jieħu 70,000 ewro sal-aħħar tal-leġiżlatura talli jikri l-karozza tiegħu lilu nnifsu.
L-akbar kabinett fl-istorja b’piż fuq in-nies
Min daħal fil-gvern iwiegħed li Malta tkun tagħna lkoll, li ngawdu trasparenza, accountability u meritokrazija, qed jagħti l-agħar eżempju hu. U l-oħrajn qed joħduh. Sa mill-bidu nett, Muscat għamel l-akbar kabinett fl-istorja ta’ Malta li qed jiswa 9 miljun ewro aktar fis-sena lill-poplu. U dak hu l-kabinett biss, mingħajr il-ħatriet li l-ministri qed jagħmlu fi gvern li jqisuh bħal propjetà privata tagħhom hekk li l-ewwel ma ħasbu kien fil-familji tagħhom b’ħatriet għal qrabathom.
Tal-qalba jiffangaw…
Anke d-Deputati Laburisti li ma sarux Ministri qed jieħdu ħatriet biex ukoll jieklu b’ħafna ħluq. L-uffiċjali Laburisti u l-impjegati tal-Partit Laburista u tas-Super One ukoll qed jaħtfu minn flus il-poplu. Il-kandidati Laburisti, l-eksdeputati Laburisti u l-ekskandidati Laburisti wkoll qed jiffangaw.
… minn kandidati Laburisti sa eks uffiċjali tal-GWU
Hemm ukoll il-kandidati Laburisti għall-Parlament Ewropew li qed jiffangaw minn flus in-nies waqt li suppost qed jagħmlu l-kampanja personali tagħhom. Dawk li dehru fuq xi billboard tal-Labour malajr spiċċaw fuq il-bordijiet u f’jobs mal-gvern. Saħansitra uffiċjali u eksuffiċjali tal-General Workers’ Union daħlu jaħtfu.
U n-nies jiffaċċjaw il-qgħad, il-pressjoni ‘l isfel fuq il-pagi, il-qagħda ħażina fis-saħħa, is-suq ħażin
U ż-żagħżugħ li ħiereġ jaħdem, dak jiffaċċja l-qgħad li żdied bla raġuni ġejja minn barra. Il-ħaddiem qed jiffaċċja pressjoni fuq il-paga tiegħu b’eżempju ħażin mill-gvern stess fl-EneMalta. L-anzjan qed jiffaċċja n-nuqqas tal-mediċini u l-qagħda sejra lura fis-saħħa, tal-ħanut jiffaċċja s-suq ħażin u n-nuqqas ta’ bejgħ.
Mhux tal-qalba l-ewwel, imma n-nies
U għalhekk l-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt trid tkun ukoll sinjal li l-ħsieb innifsu ta’ min qed imexxi jrid jinbidel biex ipoġġi lin-nies l-ewwel, u mhux lilu nnifsu u ‘l tal-qalba.