Filwaqt li tal-qalba ta’ madwar il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jiffangaw, fl-Isptar Mater Dei lanqas għandhom packing biex jgħattu l-feriti tal-pazjenti tant li pensjonanta bagħtuha tixtri dan il-packing biex jintuża għar-raġel tagħha u dan jiswa 65 ewro.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil żvela dan il-każ skandaluż waqt dibattitu bejn il-mexxejja politiċi organizzat mill-Awtorità tax-Xandir li fih ħadu sehem ukoll il-Prim Ministru Joseph Muscat u ċ-Chairman tal-Alternattiva Demokratika, Arnold Cassola.
Simon Busuttil għamel sensiela ta’ mistoqsijiet lill-Prim Ministru imma Joseph Muscat ħarab minnhom u minflok beda jattakka lil Kap tal-Oppożizzjoni b’attakki personali u qal li qed jistħajlu fil-programm Staqsini Għoxrin. Il-Prim Ministru qal li r-rata tal-qgħad f’Malta mhix togħla imma hi stabbli. Hu qal li minkejja li 80% ma jaqblux mal-addozzjoni tat-tfal minn koppji gay, hu xorta dehrlu li għandu jdaħħal din il-liġi.
Fost l-oħrajn Simon Busuttil staqsa għaliex qed issir diskriminazzjoni fit-tqassim tal-mediċini, u staqsa dwar it-transfers vendikattivi li qed jingħataw lil ħaddiema tal-Gvern li qed jibdlu ċ-Ċivil f’Każin Laburista. Staqsa wkoll għaliex il-kuntratti li l-Gvern iffirma ma’ Henley & Partners dwar il-bejgħ taċ-ċittadinanza u ma’ ElectroGas dwar il-power station baqgħu mistura. U sfida lil Prim Ministru jippubblika l-kuntratti qabel l-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt.
Simon Busuttil staqsa wkoll għaliex il-Prim Ministru baqa’ jiddefendi lil Cyrus Engerer wara li dan ingħata piena ta’ sentejn ħabs sospiżi u għamlu suldat tal-azzar. Staqsa wkoll għaliex il-Prim Ministru Muscat falla fin-negozjati mal-Unjoni Ewropea u issa l-industrija se titlef għajnuna mill-fondi tal-Unjoni Ewropea. Simon Busuttil talab lill-Prim Ministru jaċċerta lill-poplu Malti li l-power station tal-gass tkun lesta sa Marzu li ġej bħalma wiegħed u staqsa kemm se jdum ankrat it-tanker tal-gass fil-bajja ta’ Marsaxlokk.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera wkoll għal dak li qalet id-Deputat Laburista Marlene Farrugia li l-pajjiż qed jitmexxa minn klikka.
Simon Busuttil qal li l-Prim Ministru ma jridx jammetti li l-qgħad qed jiżdied filwaqt li ippolitiċizza l-Korp tal-Pulizija u l-Armata. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hu jemmen f’meritokrazija vera, fl-ugwaljanza u fil-ġustizzja. Għalhekk appella biex nhar is-Sibt in-nies jibagħtu messaġġ lil Gvern u jitkellmu bil-vot tagħhom.
Arnold Cassola qal li llum Malta mhux vera hi ta’ kulħadd u fil-qasam tas-saħħa l-pazjenti għadhom jitpoġġew fil-kuriduri filwaqt li l-qgħad qed jiżdied. Hu qal li Laburisti qed iħossuhom insultati li l-Prim Ministru qed jiddeskrivi lil Cyrus Engerer bħala suldat tal-azzar.
Hu qal li l-Gvern mhux ikun trasparenti fuq tenders li qed jingħataw u semma t-tender tal-parkeġġ tal-Isptar Mater Dei. Arnold Cassola wkoll tkellem dwar dawk tal-qalba u semma s-sieħba fin-negozju tal-mara tal-Prim Ministru li qed tieħu 70,000 ewro fis-sena b’impjieg fi New York waqt li tirriklama l-kumpanija li għandha mal-mara tal-Prim Ministru.
//= $special ?>