Skont il-Ministru Evarist Bartolo, fl-edukazzjoni l-Gvern Laburista se jkompli fuq il-programm tal-Gvern Nazzjonalista, li fl-aħħar leġiżlatura bena skola ġdida kull sena. Iżda minkejja li issa diġà għaddew sena u xahrejn minn meta l-Gvern Laburista ħa t-tmexxija tal-pajjiż f’idejh, s’issa ma nbniet l-ebda skola ġdida u lanqas qed tinbena xi skola ġdida biex forsi tkun lesta sal-bidu tas-sena d-dieħla, jigifieri f’għeluq is-sentejn ta’ Gvern Laburista.
MaltaRightNow.com staqsa lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol x’inhi r-raġuni għaliex il-Gvern Laburista mhux qed ikompli jibni skola ġdida kull sena. Staqsejna wkoll lill-Ministru Bartolo liema se tkun l-ewwel skola ġdida li se jibni l-Gvern Laburista u meta se jibda l-bini (filmat).
Evarist Bartolo kien qed jitkellem waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-Iskola Primarja tas-Siġġiewi, li matulha ħabbar li Klabb 3-16 u SkolaSajf se jkunu amalgamenti u s-servizz issa se jibda jingħata fi 30 lokalità. Il-ħinijiet se jkunu bejn is-7am u l-5.30pm u t-tfal se jkunu jistgħu jesploraw l-aspetti tal-Mediterran. Il-ħlas ta’ Klabb 3-16 se jkun ta’ 80ċ kull siegħa, filwaqt li ta’ SkolaSajf se jkun €25 għal disa’ ġimgħat.
Is-sena li għaddiet, 2,700 tifel u tifla użaw is-servizz ta’ Klabb 3-16 u 5,000 tifel u tifla użaw is-servizz ta’ SkolaSajf.
//= $special ?>