Lokali Saħħa

Il-Gvern iħabbar pjan b’inizjattivi biex jindirizza l-problemi fl-Emerġenza tlett ijiem qabel l-elezzjoni tas-Sibt

Tlett ijiem qabel l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, il-Gvern ħabbar pjan b’inizjattivi ġodda li qal li bihom se jkun indirizza fi żmien sena l-problemi fid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei. F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Konrad Mizzi fisser li l-viżjoni tal-Gvern għal dan id-Dipartiment tinkludi, fost oħrajn, taqsima separata għall-kura tat-tfal, kif ukoll żona ġdida għall-pazjenti li mhux neċessarjament ikollhom bżonn tal-kura urġenti.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Fearne qal li l-ħsieb hu li jnaqqas l-istennija tal-pazjenti fid-Dipartiment għal massimu ta’ erba’ sigħat, skont il-livelli stabbiliti internazzjonalment, meta l-medja tad-dewmien qabel kienet bejn sitta u seba’ sigħat. Hu ammetta li biex dan il-pjan jirnexxi, iridu jiżdiedu l-infermieri u għalhekk għaddejjin taħditiet mal-unions biex ikunu reklutati iżjed infermieri. Chris Fearne qal ukoll li l-ispiża marbuta ma’ dan il-pjan se taqbeż il-€1.2 miljun.

Iċ-Chairperson tad-Dipartiment tal-Emerġenza Mary Rose Cassar qalet li waħda mill-miri f’dan il-pjan hi li jiżdied l-ispazju għall-pazjenti u fuq kollox li l-pubbliku joħroġ mid-Dipartiment b’esperjenza pożittiva.

Sadanittant, dejjem ftit jiem biss qabel l-elezzjoni tas-Sibt, fl-ispiżeriji jidher li bdew jitqassmu xi mediċini li ilhom għal dawn l-aħħar xhur out-of-stock. Jidher li saret pressjoni kbira biex dawn il-mediċini jitqassmu b’mod urġenti u jiddaħħlu fis-sistema tal-POYC tlett ijiem qabel l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew. Spiżjara li tkellmu magħna qalulna li rċievew l-ammont sħiħ li kienu talbu meta għal dawn l-aħħar ġimgħat kienu qed jingħataw biss ftit minn kull mediċina.

Fost il-mediċini li tqassmu hemm il-pilloli Amlodipine, li jittieħdu għall-pressjoni għolja, u anke s-Sinvastatin li tintuża’ biex tbaxxi l-kolesterol.