Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali Parlament

Il-Gvern ikompli jkaxkar saqajh għal-laqgħa urġenti tal-PAC

Wara r-Ruling mogħti mill-iSpeaker dwar il-kuntratt li l-Gvern iffirma ma’ Henley & Partners għall-bejgħ taċ-Ċittadinanza Maltija, ilbieraħ iċ-Chairman tal-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi (PAC) Tonio Fenech sejjaħ laqgħa urġenti tal-Kumitat għal-lejla. B’din il-laqgħa u skont kif iddeċieda l-iSpeaker, il-PAC ikun jista’ jitlob formalment li l-kuntratt ma’ Henley & Partners, li l-Gvern għadu qed iżomm mistur, ikun ippubblikat.

Minkejja f’dan, minn informazzjoni li kiseb MaltaRightNow.com, jidher li l-Gvern qed ikompli jkaxkar saqajh u r-risposta li ngħatat kienet li l-Gvern m’għandux nies lil min jibgħat għal-laqgħa tal-lejla u għalhekk din ma tistax issir. B’hekk, kollox jindika li l-laqgħa tal-PAC probabbilment ma ssirx illejla.

Fl-aħħar sigħat, iċ-Chairman tal-PAC Tonio Fenech informa lill-Whip tal-Gvern Carmelo Abela dwar il-ħtieġa li tissejjaħ laqgħa għal-lum. Madankollu, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista wieġeb lura u qal li m’għandux lil min jibgħat għal-laqgħa urġenti tal-lejla. Dan juri li l-Gvern qed jagħmel minn kollox biex ma jkunx hemm kworum fil-PAC u għalhekk, skont ir-regolamenti tal-Kamra, il-laqgħa ma tkunx tista’ ssir.

B’hekk, minkejja r-Ruling ċar tal-iSpeaker Anġlu Farrugia, il-Gvern qed ikompli jkaxkar saqajh biex jippubblika l-kuntratt mal-kumpanija barranija Henley & Partners. Issa qiegħed saħanistra jisfida deċiżjoni ċara tas-Sedja li l-PAC għandu kull dritt li jagħmel l-iskrutinju meħtieġ.