Il-Gvern wiegħed li jeqred darba għal dejjem ix-xogħol prekarju minn pajjiżna. Issa li waslet l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, il-ġimgħa li għaddiet Muscat qal li għad baqa’ ħafna xi jsir biex tissolva din il-problema, iżda l-Gvern beda jindirizzaha. Madankollu, Muscat fl-ebda ħin ma tkellem dwar kif fl-aħħar sena l-Gvern tiegħu stess ta kuntratti li jammontaw għal prekarjat.
Eżempju ċar hu kuntratt li għandu kopja tiegħu MaltaRightNow.com (ritratt isfel), li ngħata u ġie ffirmat mill-kandidat Laburista Sigmund Mifsud bħala Chairman tal-Orkestra Nazzjonali. Hu ngħata din il-kariga mill-Gvern ta’ Muscat. F’kumment lil MaltaRightNow.com, Sigmund Mifsud stess qal li kull Orkestra Nazzjonali fid-dinja timpjega mużiċisti b’kuntratti differenti, min għal sena u min għal sentejn. Iżda dejjem b’perjodu ta’ żmien definit.
Madankollu, kif jidher iswed fuq l-abjad minn dan il-kuntratt, l-Orkestra Nazzjonali ta’ Malta taħt it-tmexxija ta’ Sigmund Mifsud ma timxix bl-istess mod. Fil-fatt, f’dan il-kuntratt li ngħata lil mużiċist partikolari, jingħad b’mod ċar li minkejja li dan qed jiġi mpjegat għal sena, jekk għal xi raġuni Sigmund Mifsud jitneħħa minn Chairman u jerġa’ lura f’postu jdoqq it-trumbetta, il-kandidat Laburista jeħodlu postu awtomatikament. Dan ifisser li l-kuntratt tiegħu jista’ jiġi terminat anke qabel tgħaddi s-sena tal-kuntratt.
Il-kuntratt jgħid ukoll li l-ħatra ta’ dan il-mużiċist tiddependi fuq Sigmund Mifsud, li min-naħa tiegħu għandu garanzija li jekk ma jibqax Chairman, xorta jerġa’ jieħu postu fejn kien fl-Orkestra. Madankollu, minkejja li qed niżvelaw dan il-kuntratt iswed fuq l-abjad, Mifsud qed jiċħad li qed joffri dawn it-tip ta’ kuntratti fl-Orkestra Nazzjonali.
Il-kuntratt ta’ dawn il-mużiċisti hu wieħed full-time u l-kundizzjoni li jitkeċċa jekk jew ladarba Sigmund Mifsud jiddeċiedi li jirritorna fl-Orkestra bħala membru u mhux bħala Chairman ipoġġu lil dan l-istess mużiċist bħala impjegat b’kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji.
//= $special ?>