Il-Gvern wassal biex laqgħa tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi ma ssirx billi membri li jirrappreżentaw lill-Gvern ma attendewx bl-iskuża li ma setgħux jattendu minħabba impenji li kellhom. Minkejja dan, wieħed mill-Membri tal-kumitat f’isem il-Gvern, l-eks Ministru Karmenu Vella kien fil-Kamra għal parti mis-seduta. Aktar qabel kien hemm ukoll il-Ministru Owen Bonnici. Huma t-tnejn ma baqgħux fil-Kamra. Iż-żewġ membri l-oħra tal-Gvern fuq l-istess Kumitat huma Chris Agius u Charles Mangion.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern kompla jagħmel minn kollox biex jaħbi l-kuntratt ma’ Henley & Partners billi rrifjuta li jattendi għal-laqgħa msejħa miċ-Chairman tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi, Tonio Fenech. Din il-laqgħa kellha l-għan li tiddiskuti t-triq ‘il quddiem dwar dan il-kuntratt wara r-ruling li ngħata nhar it-Tnejn mill-Ispeaker Anġlu Farrugia.
Fir-ruling tiegħu l-Ispeaker ikkonkluda li l-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi għandu l-poter jiddeċiedi hu jekk għandux jiġi prodott u diskuss kuntratt pubbliku jew le u li l-Prim Ministru u l-Ministru Owen Bonnici ma jistgħux jinħbew wara allegat digriet tal-Qorti, li ma jeżistix, biex iżommu mistur il-kuntratt li għamlu mal-kumpanija Henley & Partners.
Il-laqgħa tal-Kumitat kienet saħansitra mniżżla fuq l-aġenda tal-laqgħat fuq il-website uffiċjali tal-Parlament. Aktar tard, wara li ntqal li l-membri tal-Gvern ma setgħux jattendu, il-laqgħa tneħħiet anke mill-aġenda.
Il-PN qal li l-Gvern donnu għandu x’jaħbi u qed jaħgmel minn kollox biex jevita milli jippubblika kuntratt li minnu l-kumpanija Henley & Partners minstennija taqla’ mal-230 miljun ewro. Minflok attenda l-laqgħa li ssejħet, il-Gvern sab skuża u qal li d-39 Deputat tiegħu huma kollha mpenjati u li lanqas Deputat wieħed ma seta’ jattendi. Dan minkejja li diversi membri kienu preżenti għas-seduta tal-Parlament. Dan sar ovvjament biex il-kuntratt li għamel il-Gvern ma jiġix diskuss qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tas-Sibt li ġej. Dan aktar u aktar meta wieħed mill-Membri tal-Kumitat, Karmenu Vella kien preżenti fil-Parlament għas-seduta.
Il-PN qal li se jibqa’ jinsisti li l-Prim Ministru Muscat jippubblika l-kuntratt li għanmel ma’ Henley & Partners biex il-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi jkun jista’ jagħmel l-iskrutinju meħtieġ. Mhux aċċettabbli li l-Gvern ikompli jagħmel minn kollox biex jevita l-pubblikazzjoni tal-kuntratt ma’ Henley & Partners. Jekk ma għandux x’jaħbi, il-Gvern għandu jippubblika l-kuntratt minnufih u mhux jilgħab għall-ħin sa ma tgħaddi l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, qal il-PN.
Waqt li kienet għaddejja s-seduta tal-Parlament, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius ġibed l-attenzjoni tal-Ispeaker għall-fatt li filwaqt li l-Oppożizzjoni ġiet infurmata li l-Membri tal-Gvern fil-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi kienu kollha impenjati u ma setgħux jinstabu sostituti, wieħed mill-Membri, Karmenu Vella kien preżenti.
David Agius qal li bil-preżenza ta’ wieħed mill-membri tal-Gvern, il-laqgħa tal-PAC kienet tista’ ssir peress li kien jintlaħaq kworum. David Agius talab lill-Ispeaker biex jara dan il-każ, li jista’ jitqies bħala disprezz lejn l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Il-Whip tal-Gvern Carmelo Abela qal li mhux minnu li hemm disprezz min-naħa tal-Gvern u sostna li d-disprezz ġej min-naħa taċ-Chairman li sejjaħ laqgħa meta l-affarijiet ma jiġux deċiżi minn bniedem wieħed iżda mill-Kumitat.
Carmelo Abela qal li ma jarax li hemm urġenza fit-talba tal-Oppożizzjoni għaliex il-Gvern diġa’ qal li kien se jippubblika l-kuntratt meta jkun il-waqt.
L-Ispeaker qal li hu kien se jieħu l-kelma tal-Whip tal-Gvern u hu ma jafx jekk Karmenu Vella kienx se jibqa’ fil-Kamra fit-tul. Hu qal li ħa nota tat-talbiet li saru u appella biex bejn il-partijiet jirrenja il-buon sens.
//= $special ?>