Lokali

Il-Lufthansa tfakkar it-30 anniversarju mindu bdiet ittir lejn Malta

Il-kollaborazzjoni bejn il-linja tal-ajru Ġermaniża Lufthansa u Malta, kienet verament storja ta’ suċċess għal dawn l-aħħar 30 sena. Dan mindu saret l-ewwel titjira ta’ Lufthansa, minn Frankfurt sa Malta fil-31 ta’ Marzu 1984.

Il-General Manager għall-Afrika ta’ Fuq, għas-Senegal u għal Malta ta’ Lufthansa Frank Van Den Steen fisser, f’konferenza tal-aħbarijiet, li matul din l-aħħar sena kien hemm 180,000 passiġġier li siefru abbord ajruplani tal-Lufthansa – tkabbir ta’ 30 fil-mija.

Frank Van Den Steen stqarr li għal din is-sena l-linja tal-ajru Ġermaniża se tkun qed tara aktar minn 1,300 titjira lejn Malta – b’aktar titjiriet minn Frankfurt u minn Munich.

Edward Zammit Lewis, il-Ministru għat-Turiżmu qal li Malta teħtieġ lil Lufthansa biex tidħol f’aktar swieq ġodda għall-benefiċċju tal-ekonomija Maltija. Hu faħħar ir-reputazzjoni tal-linja tal-ajru Ġermaniża u awguralha aktar suċċess fis-snin li ġejjin.

Josef Formosa Gauci, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu (MTA) fisser kif l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jara madwar erba’ miljun passiġġier kull sena u sostna li l-Lufthansa kienet strumentali għal Malta biex taret lejn ċentri oħrajn.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet, intqal li l-Lufthansa qed timmodernizza l-flotta tal-ajruplani tagħha u għal matul l-iskeda tas-sajf biss se jkunu qed jiżdiedu sitt ajruplani ġodda li huma aktar effiċjenti.

Globalment, il-Lufthansa se tkun qed tespandi l-flotta tagħha u diġa’ ordnat 295 ajruplan ieħor b’investiment ta’ aktar minn 36 biljun ewro. U dawn mistennija jaslu għand il-linja tal-ajru sal-2025.

B’rabta mat-30 anniversarju mindu bdew it-titjiriet mill-Ġermanja lejn Malta, saret ċeremonja fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-qofol tagħha kienet il-wasla tar-Retro Airbus A321.
Intant il-linja tal-ajru Ġermaniża qed tħejji biex ukoll tfakkar is-60 anniversarju mill-bidu tat-titjiriet mil-Lufthansa wara t-Tieni Gwerra Dinjija.