F’deċiżjoni li tat illum, l-Awtorità tax-Xandir sabet lix-xandir tal-istat u lil Reno Bugeja ħatja ta’ żbilanċ kontra l-Partit Nazzjonalista meta xandru produzzjonijiet politiċi ordnati mill-Gvern Laburista bħala parti mill-kampanja tiegħu bit-tema “Issa nista'”.
Fid-deċiżjoni tagħha, l-Awtorità tax-Xandir ordnat lill-PBS ixandar numru ta’ spots tal-PN bħala rimedju. L-Awtorità ordnat ukoll li dawn l-ispots ma jixxandrux qabel il-25 ta’ Mejju 2014. Fid-dawl ta’ dan, il-PN qed jirriżerva d-dritt li jieħu l-każ quddiem il-Qrati biex jingħata l-istess ammont ta’ ħin li ħa l-Gvern Laburista bi ksur tal-liġi fuq ix-xandir tal-istat.
Din l-aktar deċiżjoni riċenti tal-Awtorità tax-Xandir turi kemm il-PBS sar għodda partiġġjana f’idejn il-Gvern Laburista u qed jintuża’ biex jitwasslu l-messaġġi partiġġjani tal-Partit Laburista u ta’ Joseph Muscat. Il-PN iqis bħala inaċċettabbli l-aġir tal-Awtorità tax-Xandir, li ħalliet id-deċiżjoni tagħha għal anqas minn 48 siegħa qabel tintemm il-kampanja elettorali għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew minkejja li s-smigħ dwar l-ilment tal-PN sar tliet ġimgħat ilu.
Għall-Partit Nazzjonalista dehru l-avukat Karol Aquilina u d-Direttur Informazzjoni David Herrera.
Konferma li l-PBS sar għodda partiġjana f’idejn il-Gvern Laburista
Il-Partit Nazzjonalista qal li bl-istqarrija tiegħu ppubblikata aktar kmieni llum b’reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir, il-PBS ikkonferma kemm sar għodda partiġjana f’idejn il-Gvern Laburista.
Skont il-Partit Nazzjonalista, quddiem deċiżjoni kontrihom mill-Awtorità tax-Xandir, il-PBS u Reno Buġeja issa qed jippruvaw jaħarbu mir-responsabbiltà tagħhom dwar dak kollu li jixxandar fuq l-istazzjon nazzjonali u baxxew rashom għal dak li ried il-Gvern. Il-Partit Nazzjonalista qal li bid-deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir ġie stabbilit b’mod ċar li x-xandir ta’ dawn il-produzzjonijiet politiċi kien kontra l-liġi tant li l-Awtorità tax-Xandir ordnat li jingħata rimedju lill-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>