Internazzjonali

Il-Prinċep Karlu jxebbah lil Putin man-Nazisti

Il-Prinċep Karlu spiċċa f’daqsxejn ta’ polemika wara li kien allegat li sostna li l-mod kif qed jaġixxi l-President Russu Vladimir Putin kien jixbaħ xi aġir tan-Nazisti fl-Ewropa. Marienne Ferguson, refuġjata Polakka tat-Tieni Gwerra, qalet li l-Prinċep qal dan waqt żjara li għamel fil-mużew fejn taħdem f’Nova Scotia bħala parti miż-żjara ta’ erbgħat ijiem li qed jagħmel fil-Kanada. Hi qalet li hu għamel dan il-kumment hekk kif kienu qed jiddiskutu l-mod kif Hitler ħa l-kontroll ta’ ċerti pajjiżi.

Il-Prinċep mistenni li jiltaqa’ ma’ Putin meta x-xahar id-dieħel iżur Franza għat-tifkiriet ta’ D-Day. Osservaturi qalu li l-Prinċep daħal fi kwistjoni internazzjonali mingħajr ma ried. Intqal li filwaqt li l-media ma kienux mal-Prinċep meta tkellem ma’ Ferguson u għalhekk il-kummenti saru f’forma privata. Kien wara meta l-ġurnalisti staqsew lil ferguson dwar xiex tkellmet mal-Prinċep li nkixef x’qal.

Hemm min isostni li l-Prinċep u l-bqija tal-familja rjali għandhom iżommu l-bogħod minn polemiċi li jistgħu jeffettwaw ir-Renju Unit. Ommu, ir-Reġina Eliżabetta hi magħrufa talli qatt ma titkellem dwar kwistjonijiet lokali jew internazzjonali u hi ta’ ftit kliem.

F’Marzu, l-eks Segretarjut al-Istat Amerikan Hillary Clinton kienet lissnet kliem simili għal dawk tal-Prinċep. Waqt taħdita pubblika, Clitnon kienet stqarret li l-mod kif kien qed iġib ruħu Putin kien jixbaħ ħafna dak li kien qed jagħmel Hitler fis-snin Tletin.

Id-Deputat Prim Ministru Ingliż Nick Clegg iddefenda l-Prinċep u qal li ma kien għamel xejn ħażin u kien biss qed jesprimi l-opinjoni tiegħu fil-privat u kien daqsxejn il-bogħod mir-realta li wieħed jistenna li l-membri tal-familja irjali ma jkollhomx opinjoni. Hu fakkar ukoll li l-kliem li ntqal saru waqt konversazzjoni privata.