Meta inawgura l-bini l-ġdid tal-Istitut tan-Negozju u l-Kummerċ fi ħdan l-MCAST, il-Prim Ministru Joseph Muscat faħħar it-twettiq tal-proġett tal-MCAST – proġett li nħoloq minn Gvern Nazzjonalista u li qed isir b’investiment globali ta’ €120 miljun.
Il-Prim Ministru saħaq li, mill-bidu ta’ din il-leġislatura, il-gvern żied l-impenn tiegħu biex il-proġett tal-kampus kollu jidħol fis-seħħ. Joseph Muscat qal li l-binja l-ġdida se tkun qed tagħti dinjita’ u inċentiv lill-għalliema u lill-istudenti. Minbarra t-tisħiħ fl-infrastruttura, sostna Joseph Muscat, se jkun qed isir aktar investiment fl-istudenti.
Hu stqarr li l-Gvern irid jiżviluppa l-MCAST f’Għawdex u flok iħallih jaħdem minn żewġ binjiet, jamalgamahom f’ċentru wieħed. U dan biex l-istitut ta’ Għawdex jingħata iżjed viżibbilta’.
Joseph Muscat faħħar lill-amministrazzjoni tal-MCAST li kapaċi tadatta għan-nuqqasijiet fis-suq filwaqt li ħeġġeġ għal aktar sinerġija bejn din l-istituzzjoni u l-Universita’ ta’ Malta. Dan biex, fost oħrajn, ma jkunx hemm duplikazzjoni tax-xogħol għall-ġid tal-pajjiż.
Evarist Bartolo, il-Ministru tal-Edukazzjoni sellem lill-gvern preċedenti li emmen fl-MCAST u sostna li għad baqa’ iżjed xogħol xi jsir biex din l-istituzzjoni ssaħħaħ l-edukazzjoni tal-istudenti. Hu qal, iżda, li għad baqa’ ħafna adoloxxenti li għadhom jitilqu mill-iskola ta’ 12 jew 13-il sena bla ħiliet.
Evarist Bartolo tkellem dwar l-importanza taċ-Child Care Centres kif ukoll dwar it-tisħiħ edukattiv li jrid jibqa’ jsir mill-Kindergarten sas-Sekondarja.
Hu stqarr li l-MCAST hu ħolqa importanti bejn l-Edukazzjoni u l-Ekonomija u saħaq li l-gvern irid jindirizza n-nuqqasijiet ta’ ħiliet li jeżistu biex l-iżvilupp ekonomiku jitjieb dejjem aktar. Fuq kollox, sostna l-Ministru Bartolo, il-gvern irid jibgħat messaġġ biex iż-żgħażagħ, għada pitgħada, isibu karriera b’saħħitha.
Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg qal li l-fondi għall-MCAST żdiedu bi €11-il miljun għal €20 miljun. Hu fisser kif din il-binja ġdida giet tiswa €3 miljun. Ian Borg fakkar li l-MCAST se tkun protagonista f’żieda ta’ fondi allokati għaliha fis-snin li ġejjin.
Preżenti għall-okkazjoni kien hemm, fost ohrajn, il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Joe Cassar.
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li l-proġett tal-MCAST hu l-aqwa rigal li l-Partit qatt seta’ jagħti lil uliedna. Permezz tal-MCAST u l-istituzzjonijiet kollha edukattivi ta’ pajjiżna, għexieren ta’ eluf ta’ żgħażagħ sabu posthom fid-dinja tax-xogħol u qed jagħmlu xogħol li jagħtihom sodisfazzjon u jiżgura li jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.
Il-Partit Nazzjonalista stqarr li f’din il-kampanja elettorali l-Partit Laburista mela l-Kampus tal-MCAST b’posters u flyers ta’ propaganda u l-uniku investiment tanġibbli li ngħata lill-istudenti kien il-brainchild tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern.
//= $special ?>