Kunsilli Lokali Lokali

Jason Micallef se jieħu premju doppju: l-akbar infjorata u l-akbar u-turn – il-Viċi Sindku ta’ Marsaxlokk

“Naħseb li Jason ħa jkun qed jieħu premju doppju għax ħa jkun għamel l-akbar infjorata u fl-istess ħin l-akbar u-turn“. Kliem il-Viċi Sindku Laburista ta’ Marsaxlokk Carmelo Bugeja Regen, li f’ittra lill-Editur fl-aħħar ħarġa tal-gazzetta Illum iżżufjetta biċ-Chairman tal-V18 Jason Micallef. Il-Viċi Sindku ta’ Marsaxlokk għamel referenza għal laqgħa li s-Sindki u l-Viċi Sindki kellhom f’Marzu li għadda u li għaliha kien mistieden Jason Micallef biex jitkellem dwar il-Fondazzjoni Valletta 2018.

Waqt din il-laqgħa, skont Bugeja Regen, Jason Micallef qal li l-Kunsilli għandhom jibdew jaħsbu f’affarijiet oħrajn u mhux jibqgħu sejrin b’attivitajiet biex jiksru r-rekords, bħal min jagħmel l-akbar mejda, min l-akbar bezzun u min l-akbar ġnejna. Fi kliem ieħor, qal Micallef, “biex jirbħu t-titlu tal-akbar xi ħaġa”. Iżda pronta kienet it-tweġiba tal-Viċi Sindku Laburista ta’ Marsaxlokk. Ix-Xlukkajri issa se jkunu qed jirbħu premju ieħor, għall-akbar tanker, b’referenza għad-deċiżjoni ta’ Joseph Muscat li jpoġġi tanker bil-gass fil-Bajja ta’ Marsaxlokk.

Issa, fi kliem Carmelo Bugeja Regen, Jason Micallef għamel u-turn għax filwaqt li tgħidx kemm saħaq li l-Kunsilli għandhom jieqfu b’dawn it-tip ta’ attivitajiet frivoli, hu għamel l-akbar infjorata billi mela Pjazza San Ġorġ bil-fjuri.