Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti qed tagħti l-appoġġ tagħha lil tlieta mit-tnax-il kandidat li l-Partit Laburista qed jippreżenta għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Dawn huma Charlon Gouder, Clint Camilleri u Joseph Cuschieri. Fost oħrajn, issa qed tesprimi dan l-appoġġ billi tibgħat SMSs lill-membri tagħha.
Fil-ġimgħat li għaddew, l-FKNK esprimiet ukoll l-appoġġ tagħha lejn dak li kien star candidate Laburista għall-elezzjoni tas-Sibt li ġej, Cyrus Engerer. Iżda minn meta rtira l-kandidatura tiegħu għax weħel sentenza ta’ priġunerija talli bagħat emails b’materjal pornografiku tal-eks sieħeb tiegħu, il-Federazzjoni kellha tagħżel kandidati oħra x’tappoġġja. U issa għażlet tlieta.
Fil-jiem li għaddew, l-FKNK organizzat ukoll laqgħat bejn il-membri tagħha u t-tliet kandidati Laburisti madwar Malta u Għawdex. U biex tistieden lill-membri, il-Federazzjoni bagħtet numru ta’ SMSs, li juru biċ-ċar l-appoġġ lit-tliet kandidati Laburisti.
Barra minhekk, fi stqarrija l-FKNK ħarġet stqarrija biex tiddikjara l-appoġġ lil Joseph Cuschieri. Min-naħa tiegħu, Charlon Gouder iddikjara li għandu l-appoġġ tal-Federazzjoni fi stqarrija li ħareġ hu, l-Erbgħa. Madankollu, s’issa, l-appoġġ lil Clint Camilleri għadu ma ħariġx fil-pubbliku b’xi stqarrija. Iżda din l-attitudni tal-FKNK mhux qed tinżel tajjeb mal-kaċċaturi u n-nassaba kollha. Anke għaliex uħud mill-membri qed jappoġġjaw kandidati oħrajn tal-Partit Laburista u għalhekk qed iħossu li l-kandidati tagħhom qed ikunu diskriminati mill-Federazzjoni.
Kaċċatur li tkellem ma’ maltarightnow.com, esprima r-rabja tiegħu għall-fatt li n-numru tal-mobile tiegħu qed jintuża għal raġunijiet politiċi. Stqarr magħna li hu ma tax in-numru tal-mobile lill-FKNK għall-politika, iżda biex jirċievi tagħrif dwar il-kaċċa biss. Hu qal li l-uffiċjali tal-FKNK qed jabbużaw mill-mobile tal-membri meta jużawh b’dan il-mod mingħajr l-approvazzjoni.
Il-kaċċatur li tkellem ma’ maltarightnow.com qal li l-FKNK qed tibgħat “esaġerazzjoni ta’ messaġġi” u fi kliemu, dan hu ħażin għax il-kaċċa hi delizzju u m’għandhiex tkun politiċizzata. Hu appella lill-FKNK biex ma tkomplix tagħmel teatrini bħal dawn.
//= $special ?>