OLANDA…………………….1
INGILTERRA……………..1
(L-Ingilterra tirbaħ 4-1 bil-penalties)
Olanda – van Osch, ter Avest, Veendorp, Verdonk, Verloo, van de Beek, Schuurman, Nouri (Paal 58′), Bergwijn (Slabbekoom 47′), Owobowale, Ould-Chikh (van der Moot 76′)
Ingilterra – Woodman, Kenny, Taf. Moore, Gomez, Taylor Moore, Ledson, Onomah, Cook (Cooke 74′), Solanke, Brown, Roberts
Ammoniti – van de Beek 37′ (O), Schuurman 53 ‘ (O), Cook 68’ (I)
Skurjaw – Solanke 25′ (I), Schuurman 41 ‘ (O)
Referee – Andreas Ekberg (}VE)
Attendenza – 9422 elf
L-Ingilterra rebħet il-Kampjonat Ewropej ta’ taħt is-17-il sena meta fil-finali għelbet lill-Olanda 4-1 bl-għoti tal-penalties wara li sa tmiem it-80 minuta l-partita kienet intemmet fi draw ta’ 1-1. Wieħed jista’ jgħid li dan kien suċċess meritat u wara li l-Ingliżi kienu marru fil-vantaġġ, l-Olanda ġabu d-draw meta l-kontroll tal-logħba kien f’idejn l-avversarji tagħhom.
Dawn il-kampjonati kienu l-aħħar edizzjoni bi tmien timijiet hekk kif mis-sena d-dieħla, fil-Bulgarija, l-finalisti tat-turnament finali se jkunu 16. Għal din il-finali attenda l-President tal-UEFA Michel Platini li fl-aħħar ippreżenta t-trofew lill-captain Ingliż. Fis-semi finali l-Olanda kienet sabitha faċli biex eliminat lill-Iskozja bi skor ta’ 5-0 filwaqt li l-Ingilterra rebħu 2-0 kontra l-Portugall.
Ta min jinnota li din kienet it-tieni darba f’din l-edizzjoni li dawn it-timijiet kienu qed jaffrontaw lil xulxin. Fil-fażi tal-gruppi l-Olandiżi kienu rebħu 2-0 imma l-Ingilterra, li kienu diġa’ ikkwalifikaw, dakinhar kienu serrħu diversi players titulari.
Għal din il-logħba l-Olanda kellhom lill-attakkant ta’ Utrecht Anthony Berenstein nieqes wara li weġġa’ fl-aħħar logħba mill-fażi tal-gruppi.
Fl-ewwel perjodu tal-logħba l-Ingilterra kienu aktar aggressivi u hekk kif l-Olanda bdew jirkupraw il-pussess tal-ballun, l-Ingliżi kienu pront jerġgħu jirbħuh lura. L-Ingliżi marru fil-vantaġġ fil-25 minuta meta minn azzjoni ta’ corner mogħti minn Patrick Roberts, il-ballun spiċċa għand Taylor Moore li fajjar xutt li spiċċa f’saqajn Dominic SOLANKE li mill-viċin ma żbaljax biex għamel l-iskor 1-0. Għal Solanke dan kien ir-raba’ gowl f’dan il-kampjonat.
Eżattament qabel tmiem l-ewwel taqsima l-Olanda kisbu l-gowl tad-draw kontra x-xejra tal-logħob. Bergwijn għadda ballun bl-aqwa mod lejn l-attakkant ta’ Feyenoord SCHUURMAN li minn naħa tiegħu fajjar xutt li ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper avversarju Woodman. Għal Shuurman dan ukoll kien ir-raba’ gowl tiegħu f’dawn il-kampjonati.
Fit-tieni taqsima il-logħob kien bilanċjat u ftit kienu l-okkażjonijiet denji ta’ nota biex b’hekk il-logħba intemmet 1-1 u kellha tkun deċiża bl-għoti tal-penalties.
Waqt l-għoti tal-penalties il-players Ingliżi li sabu x-xibka kienu Ledson, Moore, Cooke u d-difensur ta’ Everton, Kenny skurja l-gowl deċiżiv wara li l-Olandiżi van der Moot u Verdonk kienu fallew il-penalties tagħhom.
Din kienet it-tieni darba li l-Ingilterra rebħet dan it-titlu filwaqt li l-Olanda ġew imċaħħda mir-rebħ tat-tielet titlu tagħhom f’dawn il-kampjonati. L-ewwel darba li kienu rebħu dan it-titlu l-Ingliżi kien meta fil-finali tal-2010 f’Liechtenstein għelbu lil Spanja 2-1. Bir-rebħa tal-bieraħ l-Ingilterra leħqet lill-Olanda b’żewġ suċċessi minn kemm ilu jsir il-kampjonat U17 mill-istaġun 2001-02.
//= $special ?>

