F’Malta hawn madwar 30,000 intrapriża żgħira u medja (SME), li bejniethom iħaddmu 88,000 persuna u li jikkontribwixxu €3 biljun fl-ekonomija (aktar minn 64%). Dan ħareġ waqt żjarat li l-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech għamel għand Mediterranean Ceramics, Bristow Potteries u Mdina Glass fil-Villaġġ tas-Snajja’ f’Ta’ Qali, bħala parti mill-kampanja tiegħu għall-elezzjoni tas-Sibt li ġej.
Francis Zammit Dimech fakkar li anke l-ekonomija tal-Unjoni Ewropea hi mibnija fuq l-SMEs, li minnhom hemm madwar 23 miljun (madwar 98% tan-negozji kollha fl-UE). Dawn jipprovdu żewġ terzi tal-impjiegi kollha fl-UE. Hu tenna li għax il-kontribut tal-SMEs hu daqshekk importanti għall-UE, din żviluppat u mplimentat miżuri speċifiċi għal dan is-settur bl-iskop li jkun hemm il-kundizzjonijiet fejn azjendi bħal dawn jinħolqu u jikbru.
Fl-10 snin li ilna membri tal-UE f’Malta ttieħdu diversi inizjattivi, fosthom għajnuniet finanzjarji, biex is-settur tal-SMEs jikber, joħloq l-impjiegi u jkabbar il-ġid. Francis Zammit Dimech fakkar li s-Small Business Act, li adottat l-UE fl-2008, tipprovdi sett ta’ prinċipji li jagħtu gwida u huma essenzjali biex jogħla l-livell ta’ valur miżjud ħalli jilħaq dak tal-UE. Hu awgura lill-SMEs f’Malta biex ikomplu jikbru għax b’hekk biss jinħoloq ix-xogħol li din l-aħħar sena uriet li mhux qed jinħoloq biżżejjed tant li l-qgħad qed jiżdied xahar wara l-ieħor.
F’Ta’ Qali, Francis Zammit Dimech apprezza l-ħidma mwettqa minn dawn it-tliet SMEs li kibru tul is-snin u li llum jimpjegaw għadd kbir ta’ ħaddiema. Mindu Malta ssieħbet fl-UE, dawn l-azjendi applikaw u kisbu fondi mill-UE biex tejbu l-prodott u l-kompettitività.
//= $special ?>