Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Malta tinsab taħt il-kontroll ta’ klikka ġdida – Marlene Farrugia fuq Facebook

Id-Deputata tal-Gvern Marlene Farrugia reġgħet ħarġet fuq l-attakk, din id-darba fuq il-profil tagħha fuq Facebook, fejn fl-aħħar sigħat tellgħet post li fih kitbet li Malta tinsab taħt il-kontroll ta’ klikka ġdida.

B’indikazzjoni ċara għat-tmexxija ta’ Muscat u dawk li jdawruh, il-backbencher Laburista kitbet li l-poplu sab ruħu taħt klikka oħra fil-Gvern. Hi sostniet li temmen li Malta verament għandha tkun Tagħna Lkoll tassew, bl-implikazzjoni li llum pajjiżna mhux verament ta’ kulħadd imma ta’ ftit tal-qalba.

Farrugia reġgħet għamlet appell lill-Maltin fuq il-vot tas-Sibt li ġej u qalet li bil-vot tagħhom jistgħu jagħżlu li jew isaħħu lil din il-klikka, inkella li jkollhom il-Moviment Laburista nadif li tant stinkaw għalih qabel l-aħħar elezzjoni.

Fuq Facebook, Marlene Farrugia awgurat l-għodwa t-tajba lil dawk li qalet li heddewha u żebilħuha ġurnata qabel fuq Facebook stess u b’ċerta ironija weġbithom li biex Malta tkun aħjar jeħtiġilha ħafna enerġija pożittiva. Kitbet ukoll li fl-aħħar, is-sewwa jirbaħ żgur u finalment Malta tiġi l-ewwel u qabel kollox.