Mara li hija residenti s-Salina xehdet quddiem il-Maġistrat Anthony Vella li għarfet raġel li jinsab akkużat li spara fuq Flaimingo, li huwa għasfur protett. Hija qalet li kienet qed tagħraf lil Justin Attard, bħala r-raġel li kien qed iġorr arma u l-Flamingo mejjet fil-lejl tat-3 ta’ Ġunju tas-sena l-oħra.
Il-mara kienet qed tixhed fil-kumpilazzjoni ta’ Edgar Attard ta’ 49 sena, ibnu Justin ta’ 25 sena, t-tnejn minn Naxxar, kuġinuh Cliff Borg ta’ 31 sena mill-Mosta, u seħibhom Massimo Parnis ta’ 22 sena minn Naxxar.
Justin Attard u Cliff Borg jinsabu mixlijin li sparaw fuq l-għasfur protett, kienu fil-pusses ta’ għasfar protetti bbalzmati, li kkaċċaw barra l-istaġun tal-kaċċa u l-ħin regolamentat, u fl-inħawi ta’ santwarju tal-għasafar.
Huwa qegħdin jiġu akkużati wkoll li saru reċidivi. Edgar Attard u Massimo Parnis qegħdin jiġu mixlija b’pusses ta’ għasafar protetti. Il-mara qalet li rat raġel fil-kanal fejn f’id minnhom kellu arma u fl-oħra kellu għasfur kbir u kien qed jitbaxxa lejn grada.
Il-mara marret tgħid lil wieħed mill-ġirien tagħha u dan mar fl-appartament tagħha u segwew lir-raġel għal madwar ħames minuti. Imbagħad sar rapport lill-Pulizija u l-mara bdiet tgħajjat lejn ir-raġel, li minn naħa tiegħu ħares il-fuq.
Ix-xhud qalet li hija għarfet lill-akkużat Justin Attard, li kien taħt lampa tat-triq meta ħares il-fuq. Ftit wara waslet karozza bajda u dan telaq ma’ din il-karozza. Madwar erba’ ġimgħat wara hija kienet mgħajjta mill-Pulizija biex tiddentifika numru ta’ persuni li kienu taħt suspett. Hija għażlet lil Attard.
Xhud ieħor, residenti wkoll is-Salina, qal li fit-3 ta’ Ġunju, numru ta’ persuni kienu raw il-Flamingo is-Salina. Il-Pulizija kienu telqu mill-inħawi tard filgħaxija. Huwa qal li lemaħ karozza bajda fl-inħawi u hu mill-ewwel ċempel lill-Pulizija, li waslu malajr fuq il-post.
Tenna li huwa nnota raġel għadu żgħir jistaħba fuq rkuptejh fejn grada qabel ma ġiet karozza bajda u mar magħha. Kuntistabbli tal-Pulizija mill-iskwadra tal-mobile qal li dakinhar kien xogħol. Għall-ħabta ta’ 11.45pm kien infurmat li nqatel Flamingo u l-Pulizija bdiet tagħmel it-tfittxija tagħha.
Karozza Mitsubishi Pajero wara kienet instabet wara Scott’s Supermarket f’Burmarrad. Fil-karozza kien hemm rix tal-Flamingo. Ir-raġuni li x-xhieda mhumiex jissemmew b’isimhom huwa minħabba s-sigurtà tagħhom stess. Il-każ ikompli.
//= $special ?>