Qorti

Missier mixli li kkorrompa lil uliedu

Raġel li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti biex jiġu protetti ż-żewġ uliedu ġie mixli quddiem il-Maġistrat Anthony Vella, li kkorrompa liż-żewġ uliedu bniet.

Il-missier ġie mixli li nhar it-Tnejn li għadda u fix-xhur u fis-snin ta’ qabel b’egħmil żieni u għal diversi drabi lil uliedu bniet, waħda ta’ 10 u l-oħra ta’ 11-il sena.
Huwa ġie mixli li kkommetta delitt aggravat minħabba li seħħ kontra persuni li huma taħt it-12-il sena. Ir-raġel li wieġeb mhux ħati għall-akkużi kollha miġjubin kontrih ġie mixli wkoll li pparteċipa f’attivitajiet sesswali mal-istess uliedu u li kkommetta attentat vjolenti fuq il-pudur tagħhom.

Ġie mixli wkoll li r-reat sar fuq persuni li jiġu minnu fil-viċin, jiġifieri, l-istess uliedu u li bl-imġieba tiegħu ġab ruħu b’mod li ta fastidju lill-istess vittmi. L-Ispettur Sylvana Briffa, li ressqet lil missier qalet li t-tfal fetħu qalbhom ma “guidance teacher” u li dawn għaddew il-każ tagħhom lill-Aġenzija Appoġġ. Kienet l-Appoġġ stess li nfurmat lill-Pulizija dwar il-każ.

L-avukat li deher għall-vittma qal li dan huwa każ fejn fih teżisti linja fina. L-avukat qal li l-akkużat huwa persuna li għandu kondotta nadifa u kontra min jabbuża minn uliedu. Huwa għalhekk talab lill-Qorti biex tifhem din il-linja fina li qed jipprova jfiehem hu.

Qal li anke jekk m’għandu x’jaqsam xejn ir-rapport bejn l-akkużat u l-mara tiegħu llum huma dak li huma, u li l-istess akkużat bħalissa qed jistenna li jsir għal darba oħra missier mingħand mara li hija avukat.

L-avukat tal-akkużat qal ukoll li huwa kien qed jitlob għal ħelsien mill-arrest tal-klijent tiegħu li kien lest li ma jibqax jgħix fl-istess raħal minħabba raġunijiet ovvji u li ta indirizz ieħor lill-Pulizija.

L-Ispettur Sylvana Briffa qalet li l-akkużat isiefer ħafna u għalhekk il-Qorti trid tara kif din il-problema ma tibqax, peress li għal ħafna żmien dan ma jkunx Malta. Id-difiża qalet li l-akkużat ġieli jagħmel perjodu ta’ 15-il ġurnata barra minn Malta fuq xogħol u jagħmel xahar Malta, imma għalissa l-importanti hu li jingħata l-liberta’ proviżorja u sakemm jixhdu uliedu huwa mhux se jsiefer.

Wara jagħmel dawk it-talbiet neċċessarji jekk ikun hem mil-ħtieġa. Il-Qorti laqgħet it-talba għal liberta’ proviżorja tal-missier fuq depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €10,000.

Huwa jrid ukoll jiffirma darbtejn fil-ġimgħa fl-Għassa tal-Pulizija u li jkun id-dar sa nofs il-lejl u ma joħroġx qabel is-sitta ta’ filgħodu.