Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Muscat ibiddel id-diska … issa m’għadux l-underdog

Tlett ijiem bogħod mill-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat biddel id-diska li beda biha din il-kampanja elettorali. Issa m’għadux jgħid li l-Partit Laburista hu l-underdog f’din l-elezzjoni, iżda fiduċjuż li l-Partit Laburista se jirbaħ l-elezzjoni tas-Sibt li ġej.

Waqt li kien qed jindirizza lil mijiet ta’ attivisti Laburisti preżenti taħt it-tinda fil-Fgura, il-Mexxej Laburista qal li jinsab ottimist li min kien qed jaħseb li jibqa’ d-dar biex jipprotesta, issa qed jerġa’ jdurlu. Dan jistona sew mal-karba li kellu fil-bidu tal-kampanja elettorali, meta kien isostni li l-Partit Laburista hu underdog, minkejja li għadu ħiereġ minn rebħa elettorali b’maġġoranza ta’ aktar minn 35,000 vot.

F’diskors ta’ madwar nofs siegħa, madankollu, Muscat naqas milli jilqa’ l-isfida tal-Partit Nazzjonalista biex jippubblika l-kuntratt li l-Gvern tiegħu għamel ma’ Henley & Partners għall-bejgħ taċ-Ċittadinanza Maltija u Ewropea, kif ukoll il-kuntratt tal-privatizzazzjoni tal-Power Station.

Fil-Fgura, tkellem ukoll id-Deputat Prim Ministru Louis Grech, li f’diskors qasir qal li l-maġġoranza tal-voti għall-Partit Laburista nhar is-Sibt li ġej, tagħti s-saħħa lill-Gvern ta’ Muscat. Qal ukoll li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista se ssir irrilevanti għas-soċjetà.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Konrad Mizzi qal li l-Heavy Fuel Oil hu l-aktar fuel li jħammeġ, mingħajr ma għamel referenza għat-talba tal-Gvern Laburista u eventwalment l-approvazzjoni biex il-Power Station tkompli topera bl-HFO sal-aħħar tal-2015. Qal ukoll li l-Gvern raħħas il-kontijiet tad-dawl mingħajr ma żied taxxi, iżda ma qalx li l-anzjani qed ikollhom jixtru l-mediċini li fi żmien Gvern Nazzjonalista kienu jieħdu b’xejn. Dwar il-qasam tas-saħħa, Konrad Mizzi qal li l-pjan tal-Gvern Laburista għall-problema ta’ nuqqas ta’ sodod hu biss wieħed short għal medium-term.

Sadanittant, fil-bidu tal-attività politika, tkellem ukoll il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Joseph Cuschieri. Hu ftaħar li l-Fgura u l-irħula tal-madwar huma fortizzi Laburisti u kien għalhekk li l-Partit Laburista għamel din l-attività fl-aħħar tal-kampanja elettorali propju hemm.

Filwaqt li appella għal diversi drabi biex in-nies jivvutaw lill-Gvern ta’ Joseph Muscat, Cuschieri qal li l-Prim Ministru għaddej gass down mal-pjanċa. F’diskors isteriku, hu ndirizza lil dawk il-Laburisti indeċiżi billi qalilhom li hu mpossibbli jinqdew f’sena biss.

Waqt id-diskorsi fil-Fgura, iddomina l-ibbuwjar fit-tul kull darba li wieħed mill-kelliema għamel referenza għall-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil jew xi ħadd mill-Partit Nazzjonalista.