Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Filmat: Qed ngħixu f’soċjetà fejn jekk inti tal-qalba fil-PL tirnexxi – Beppe Fenech Adami

Fl-aħħar sena u tliet xhur sirna ngħixu f’soċjetà fejn jekk inti tal-qalba fil-Partit Laburista allura se tirnexxi. Qed ngħixu f’soċjetà fejn il-Prim Ministru ta’ pajjiżna rema wegħda ewlenija: dik li anke jekk ma taqbilx miegħu tista’ taħdem miegħu. Din il-wegħda nbidlet f’waħda li minflok jaħdem għalik, jaħdem għal dawk il-ftit tal-qalba.

Sostna dan il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-bini tal-Parlament. Biex il-poplu jirrealizza kemm hi gravi s-sitwazzjoni f’pajjiżna, fejn tal-qalba qed ikomplu jiffangaw f’pagi għoljin, il-Partit Nazzjonalista ppublika album bir-ritratti (ara l-album isfel) tal-200 persuna li għax huma tal-qalba qed jieħdu dak li jridu. Akkumpanjat mill-kandidati għall-Parlament Ewropew Norman Vella u Ray Bugeja, Beppe Fenech Adami spjega kif dawn il-200 persuna m’humiex is-suldati tal-azzar iżda huma s-suldati li għamilhom tad-deheb il-Partit Laburista fil-Gvern.

Beppe Fenech Adami qal li l-problema ta’ dan kollu ġejja minn fuq, jiġifieri mit-tmexxija tal-Prim Ministru. Dan fid-dawl ta’ dak li kitbet id-Deputata tal-Gvern Marlene Farrugia, li appellat biex il-poplu jew se jivvota biex il-klikka li hu mdawwar biha Muscat tkompli tissaħħaħ inkella għall-moviment Laburista li tant kienu jisimgħu bih. Min-naħa l-oħra, qal Beppe Fenech Adami, il-Gvern Laburista jrid lill-poplu jirringrazzjah talli raħħaslu 2ċ fil-prezz tal-petrol. Muscat irid li ż-żgħażagħ jirringrazzjawh talli għandhom 4ċ iżjed kuljum fl-istipendju.

Joseph Muscat iridna nirringrazzjawh talli jgħid li wettaq wegħdi li fil-verità mhuma se jiġġeneraw l-ebda ġid. L-aqwa li l-Prim Ministru jgħid li qed iwettaq, kompla jgħid Beppe Fenech Adami. Li ma jgħidx il-Prim Ministru hu kif iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-iSport (KMS) Luciano Busuttil qed jaqla’ €1,000 fil-ġimgħa, li l-mara tal-Ministru Konrad Mizzi qed taqla’ madwar €460 kuljum sempliċiment għax huma tal-qalba.

Il-Viċi Kap tal-PN temm jgħid li student jew studenta li jirċievu stipendju, li issa żdied b’4ċ kuljum, iridu jistennew 30 sena biex jaqilgħu flus daqs kemm taqla’ kuljum il-mara tal-Ministru Konrad Mizzi.

L-album tar-ritratti li jikxef min huma tal-qalba, il-privileġġjati u tal-familja tal-Partit Laburista se jitqassam b’xejn fl-edizzjoni speċjali ta’ għada ta’ In-Nazzjon.