Wara l-ewwel sena tiegħu, il-Gvern Laburista ma tantx għandu biex jiftaħar fejn jidħol il-ħolqien tax-xogħol u l-andament tan-negozju f’Għawdex. Filwaqt li l-qgħad fil-gżira Għawdxija żdied b’6% u Għawdex ukoll se jintlaqat mit-tnaqqis fl-inċentivi għall-industrija tort tal-inkompetenza tal-Gvern ta’ Muscat fl-innegozjar mal-Unjoni Ewropea, l-uniku rispons tal-Ministeru għal Għawdex għal dan kollu kien li jmur lura għall-ħolqien tal-Korpi.
F’tentattiv li joħloq ix-xogħol, kulma għamel il-Ministeru għal Għawdex kien li ħoloq skema simili ħafna għal dak li konna mdorrijin bih fiż-żminijiet tal-Korpi, li sejħilha “Sebbaħ u Ħaddar”. Iżda din l-iskema qed tqajjem ħafna mistoqsijiet. Mhux magħruf kemm ġew ingaġġati nies s’issa f’din l-iskema, min huma, kif ġew ingaġġati u x’xogħol qed jagħmlu.
Filwaqt li mhux magħruf x’metodu ntuża’ biex jiddaħħlu dawn in-nies, li qed jgħidulhom li se jagħmlu xogħol mal-Gvern, mhux ċar lanqas jekk dawk li ddaħħlu biex jaħdmu f’din l-iskema issa humiex uffiċjalment impjegati mal-Gvern. Jekk le, allura, taħt liema arranġament ġew ingaġġati, kemm hu twil il-perjodu ta’ żmien li għalih ġew impjegati u kemm qed jitħallsu.
Xtaqna niskopru eżatt kif qed titħaddem l-iskema “Greener and Cleaner” u għalhekk bagħatna mistoqsijiet lill-Ministeru għal Għawdex. Fl-email tagħna għamilna dawn il-mistoqsijiet kollha, iżda s’issa, wara ħamest ijiem għadna bla risposta. Minkejja li d-domandi tagħna baqgħu mhux imwieġba, MaltaRightNow.com jinsab infurmat li l-parti l-kbira ta’ dawk li ġew ingaġġati biex jiffurmaw parti minn din l-iskema qed jitqabbdu għal perjodu qasir ta’ ħames xhur.
Mhux magħruf kif qed isir dan u jekk hux qed jintalbu jiffirmaw xi kuntratt tal-impjieg. Li hu żgur hu li jekk hu veru li dawn il-ħaddiema ġew ingaġġati għal hames xhur b’anqas mill-Minimum Wage, dan jammonta għal prekarjat u sfruttament tal-ħaddiema. Aktar minn hekk, l-informazzjoni li għandna tgħid li dawn il-ħaddiema, li ġew ingaġġati mill-Ministeru u allura wieħed jifhem li qed jaħdmu ghall-Gvern, qed jitqabbdu jaghmlu xogħolijiet li mhumiex tal-Gvern fi proprjetajiet u artijiet privati.
Informazzjoni li wasiltilna tgħid li fl-aħħar jiem uħud minnhom kienu nnutati jagħmlu xi xogħol f’għelieqi u kmamar li hemm fl-inħawi tax-Xatt l-Aħmar, bejn il-Port tal-Imġarr u Għajnsielem, li għalih kien qed jintuża’ materjal tal-Gvern. Mhux ċar ta’ min hi l-art li fuqha kienu qed jaħdmu u għalhekk bagħatna wkoll mistoqsijiet dwar dan lill-Ministeru għal Għawdex. Madankollu, anke f’dan il-każ, għadna bla tweġiba.
Fuq is-sit tal-Ministeru għal Għawdex jingħad li l-iskema “A Greener and Cleaner Gozo” għandha l-għan li tħeġġeġ lill-komunità Għawdxija, inkluż dik tan-negozju, biex tikkontribwixxi għal ambjent aħjar.
//= $special ?>